Lokali
Is-swar tal-Imdina jinxtegħlu blu biex iqajmu għarfien dwar l-awtiżmu

Is-swar tal-Imdina u Casino Notabile fit-Telgħa tas-Saqqajja nxtegħlu blu biex iqajmu għarfien akbar dwar il-kundizzjoni tal-awtiżmu. Din l-inizjattiva saret bħala parti mill-attivitajiet tal-Jum Dinji għall-Awtiżmu li tfakkar fit-2 t’April. Hu stmat li persuna minn kull mija jkollha xi element ta’ awtiżmu.

Waqt il-mixegħla bil-blu tal-binjiet tal-Imdina u Casino Notabile, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, ħeġġet lis-soċjetà biex tifhem id-diffikultajiet tal-persuni b’din il-kundizzjoni.

Is-Sinjura Muscat kellha kliem ta’ tifħir għall-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu li qalet jeħtieġ li jiġu megħjuna biex jegħlbu l-isfidi li ġġib magħha din il-kundizzjoni. Is-Sinjura Muscat raddet ħajr lill-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-tfal bl-Awtiżmu tax-xogħol siewi li qed twettaq biex tqajjem aktar kuxjenza dwar l-awtiżmu.