Annimali
Isalvaw ferħ ta’ qattus li waqa’ fil-foss tal-Belt

Membri tal-Protezzjoni Ċivili lbieraħ filgħaxija xxabbtu fil-foss ta’ taħt il-ġnien Hastings, fil-Belt, biex isalvaw ferħ ta’ qattus.

L-episodju beda s-Sibt filgħaxija, meta koppja kienet qed tippassiġġa fil-ġnien u semgħet il-qattus inewwaħ fil-foss.

Viki Ketipearachchi, tabib barrani li jaħdem f’Malta, irrakkonta fuq il-midja soċjali kif ħassu jinħakem mill-paniku, għax ma kienx jaf kif se jsalva lil dan il-qattus żgħir ta’ lewn ġriż li nqabad fil-foss.

Wara li talab l-għajnuna fuq Facebook, qal li sab ħafna individwi u entitajiet li taw l-assistenza biex il-qattus ikun jista’ jittella’.

Minbarra lil għadd ta’ individwi u entitajiet, fosthom il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali, Dr Ketipearachchi rringrazzja individwalment lill-erba’ membri tal-Protezzjoni Ċivili li lbieraħ tellgħu lill-qattus qawwi u sħiħ.