Barranin
Isem l-omm se jibda jitniżżel fuq il-karta tal-identità tal-Afgani

Emenda fil-liġi tal-Afganistan se tippermetti li isem l-omm jibda jidher fuq il-karta tal-identità tal-individwu. Din il-bidla hija pass importanti ħafna għad-drittijiet tan-nisa, li ma setgħu jużaw isimhom imkien.

Isem il-mara ma jistax jidher fuq l-istediniet tat-tieġ, fuq preskrizzjoni tat-tabib, fuq iċ-ċertifikat ta’ mewtha, u lanqas fuq qabarha.

L-emenda, iffirmata fil-liġi mill-President Ashraf Ghani, waslet wara l-kampanja qawwija Where Is My Name, li sabet l-appoġġ ta’ ħafna personalitajiet.

Il-konservattivi mistennija jopponu din il-bidla bil-qawwi, bil-fundatur tal-kampanja, Laleh Osmany, tgħid li qed tibża’ għal ħajjitha hekk kif irċeviet diversi theddid.

Jeżisti wkoll tħassib dwar il-futur tad-drittijiet tan-nisa fid-dawl tad-diskussjonijiet bejn il-gvern Afgan u t-Taliban li se jibdew fi tmiem il-ġimgħa. Ħafna qed jibżgħu li d-drittijiet miksuba fl-aħħar 20 sena minn meta t-Talibani tneħħew mill-poter, se jiġu ssagrifikati biex jintlaħaq ftehim ta’ paċi.