Kultura
Isirilha xogħol ta’ restawr bl-għan li terġa’ tibda ddoqq

Il-qanpiena tal-monument tal-Assedju fil-Belt ilha ma ddoqq kważi sentejn. Dan minħabba ħsarat strutturali fil-binja tal-monument. Heritage Malta u l-Valletta Management Unit qed jieħdu ħsieb ir-restawr tal-binja u tal-makkinarju tal-qanpiena bl-għan f’qasir żmien terġa’ tibda ddoqq.

Il-monument tal-qanpiena tal-Assedju fil-Belt inbena fl-1992 mill-George Cross Island Association u jfakkar l-għoti tal-George Cross lil Malta. Il-Perit Ruben Abela minn Heritage Malta spjega li ftit snin wara li saret l-istruttura kienu ħarġu xi problemi u sar tibdil fl-istruttura u fil-mod kif kienet imdendla l-qanpiena. Qal li fl-aħħar sentejn reġgħu żviluppaw problemi oħra kemm fil-binja tal-monument tal-qanpiena u fil-makkinarju tal-qanpiena tant li ilha aktar minn sena u nofs ma jdoqq.

“Sintendi l-qanpiena għandha ċertu piż allura wieħed irid ikun kawt. Xi ħaġa partikolari din il-qanpiena hija li dina l-qanpiena tiċċaqlaq, il-qanpiena sħiħa ddoqq mhux bħal tal-knejjes fejn jiċċaqlaq biss l-ilsien. Allura maċ-ċaqliq tal-qanpiena l-istruttura wkoll ikollha ċertu vibrazzjonijiet u ċaqliq.”

Il-Perit Abela spjega li minħabba li l-monument hu espost għall-elementi u għaċ-ċaqliq tal-qanpiena, is-saqaf tal-kamra taħt il-qanpiena ddeterjora u l-konkrit xpakka.

“Anke nkixef il-ħadid strutturali allura wieħed irid jikkonsolida l-istruttura qabel u qed inħarsu lejn konsolidament li jkun jaċċetta, jiflaħ għall-vibrazzjonijiet tal-qanpiena. Allura qed naraw tiswijiet partikolari f’monument bħal dan li huwa tista’ tgħid monument ħaj għax biċ-ċaqliq stess jikkawżaw dawn il-ħsarat.”

Il-Perit Abela qal li l-makkinarju tal-qanpiena ilu ma jintuża għal dawn l-aħħar sentejn u spjega li meta xi ħaġa mekkanika ma tintużax, aktar u aktar f’ambjent aggressiv bir-raxx tal-baħar, ikun hemm ħsarat oħrajn. Qal li Heritage Malta u Valletta Management Unit se jaraw xi ħsarat hemm fil-makkinarju u x’tibdil jista’ jkun hemm bżonn biex dan jiġi aġġornat għaż-żminijiet tal-lum. Il-Valletta Management Unit tieħu ħsieb tmexxi l-proġetti tal-Belt bħala sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO.

 

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

TVM jista’ jiżvela li t-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet umani li kważi xahar ilu nstabu moħbija f’daħla f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa…

Kronaka

Tfajla ta’ 23 sena minn San Ġwann tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident bi quad bike f’Għawdex. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:00 fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur meta tfajla ta’ 23…

Kronaka

Sewwieq ta’ mutur ġie rikoverat wara li kellu inċident f’ Triq il-Kosta għall-ħabta ta’ nofsinhar. Il-Pulizija qalet li r-raġel ta’ 42 sena mill-Ħamrun kien qed isuq mutur tal-għamla Yamaha meta…

Politika

Waqt li l-partiti politiċi ħadu l-pawża tas-sajf mid-diskorsi politiċi tal-Ħadd, baqa’ għaddej il-battibekk politiku dwar is-salarji tas-Segretarju Parlamentari bejn id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-Partit Laburista. Wara li l-gvern fi…

Aktar