Lokali
Isiru xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq aktar minn 600 blokka f’housing estates tal-gvern

Mill-2017, qabżu n-nofs il-blokok ta’ appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali li sarilhom xogħol ta’ tisbiħ u titjib…’il fuq minn 600 blokka minn fost 1,117. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li b’dan il-mod qed tinżamm il-wegħda li jiġu riġenerati l-blokok kollha ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar il-pajjiż. Qal, li dan hu mod kif jissaħħu l-komunitajiet.

F’aktar minn tliet snin sar xogħol ta’ titjib u tisbiħ f’54% tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali. Quddiem binjiet tax-xorta fiż-żona ta’ Ħal Mula, f’Ħaż-Żebbuġ, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ta rendikont tal-interventi ta’ manutenzjoni, riġenerazzjoni tal-faċċati u tisbieħ tal-partijiet komuni. Żied jgħid li sa tmiem din is-sena se jitlestew 61 blokka oħra, bil-fondi għal dan ix-xogħol qed jinħarġu mill-budget nazzjonali u minn fondi Ewropej.

Il-Ministru Galdes irrefera għal ammont konsidervoli ta’ talbiet li kienet tirċievi l-Awtorità tad-Djar biex isiru dawn l-interventi.

“Nirċievu 200 talba kuljum għal intervent min-naħa tal-istat u dan kien qed jitfa’ burden qawwi fuq waiting list ohra fl-awtorità li għalhekk kien dehrilna li nagħmlu proġett massiv li nduru Malta kollha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ akkomodazzjoni soċjali għax meta jibda jiddeterjora il-konkrit l-elementi kollha tal-bini mbaghad jispiċċa li jkollok manutenzjoni akbar.”

Il-Ministru semma kif permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali ġew imġedda wkoll 146 blokka li fihom sar tisbiħ u titjib fil-komun. Qal li sa tmiem din is-sena se jkunu tlestew interventi simili f’112-il blokka oħra b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Semma wkoll kif fix-xhur li għaddew ġew stallati lifts fi 38 blokka, bil-blokok aċċessibbli se jiżdiedu għal 158 sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali kkonkluda li din is-sena l-Gvern se jonfoq €12-il miljun f’xogħol ta’ manutenzjoni, l-akbar investiment mill-2017. Spjega li apparti hekk, l-Awtorità tad-Djar kisbet fondi Ewropej għall-parti l-kbira tal-lifts li qed jiġu stallati biex jagħmlu r-residenzi kollha aċċessibbli.