Lokali
ISMA’: Christabelle u Amber bid-diska uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar

Il-Federazzjoni Maltija tal-Isport tal-Isparar qed tniedi d-diska uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja li se ssir f’pajjiżna bejn il-5 u l-15 ta’ Ġunju li ġej.  Bil-vuċijiet tal-kantanti Christabelle u Amber, ‘Aiming High’ hija t-tema li tissimboliżża t-twemmin li d-daqs ta’ pajjiż ma jillimitax l-ambizzjoni tiegħu.

Id-diska tirrakonta wkoll l-impatt pożittiv tal-isport fl-ispirazzjoni ta’ komunitajiet madwar id-dinja u fl-għaqda ta’ bejniethom minkejja differenzi oħra li jistgħu jeżistu. It-Tazza tad-Dinja f’Malta se tkun kompetizzjoni li turi kif fl-isport ma jeżistux fruntieri iżda dinja waħda li tgħaddi minn esperjenzi u twettaq il-ħolm tal-popli tagħha.

‘Aiming High’ għanda mużika ta’ Elton Zarb u kitba ta’ Amber. Il-produzzjoni kienet fdata f’idejn Robert Korzeniewski minn Wicked and Loud, filwaqt li r-recording sar minn Matteo Depares ukoll minn Wicked and Loud. Id-diska għandha wkoll is-sehem ta’ Pamela Bezzina u Glen Vella bħala backing vocals.

Fi stqarrija, il-Federazzjoni qalet li qed timmira għas-suċċess f’din il-kompetizzjoni u bħalma diġà nkisbu riżultati ta’ kalibru internazzjonali issa qed taspira li wasal iż-żmien li l-atleti Maltin jeċċellaw fuq bażi regolari.

Il-Federazzjoni sostniet li pajjiżna qed jaspira li jqum għall-okkażjoni fl-organiżazzjoni tal-ewwel Tazza tad-Dinja tal-Isparar bis-saħħa tal-faċilitajiet ġodda ta’ livell internazzjonali fil-Malta National Shooting Ranges li sa fl-aħħar jippermettu lil Malta biex tospita kompetizzjoni dinjija li se tkun qed tilqa’ 61 pajjiż u iktar minn 400 atleta f’pajjiżna.

Isma’ hawnhekk id-diska uffiċċjali tat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar li se ssir f’Malta.