Pulizija
ISMA’: X’qal l-ex Ministru tal-Intern dwar l-allegat irregolaritajiet fit-taqsima tat-traffiku fil-Korp
L-ex Ministru għall-Intern, Michael Farrugia qal li kif xahrejn u nofs ilu sar jaf bl-allegat abbużi fit-taqsima tat-traffiku tal-Pulizija, talab li l-allegazzjonijiet jiġu investigati biex ikun magħruf min qed jabbuża, min kien qed jawtorizza l-abbużi u jagħlaq għajnejh għalihom. Dr Farrugia qal li l-persuni li abbużaw jew approvaw l-abbużi għandhom iġorru r-responsabbiltà għal għemilhom.
L-ex Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal li s-sahra tal-Pulizija kollha kienet tiġi evalwata b’mod regolari u qatt ma nstabu irregolaritajiet kbar.

Waqt li wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar l-allegat abbużi fil-Korp tal-Pulizija fiż-żmien li politikament kien responsabbli mill-Korp, Dr Farrugia qal li huwa ma kienx konxju ta’ x’kien qed jiġri qabel ma rċieva l-ittra mill-whistleblower b’allegazzjonijiet serji ta’ abbużi fis-sahra u l-extra duties mill-Pulizija tat-traffiku.

“Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li kien hemm dawk l-abbużi, min kien qed jabbuża kien qed jgħatti xturu u l-awtoritajiet responsabbli mill-Pulizija ma kienux konxji ta’ dawk l-affarijiet li kienu qed jiġru, meta kien hemm il-whistleblower illi ta l-ewwel indikazzjoni ttieħdu l-passi mal-ewwel sekonda.”

Dr Farrugia qal li kien lejn l-aħħar ta’ Novembru li rċieva l-ittra bl-allegazzjonijiet u minnufih għaddiha lis-Segretarju Permanenti u lill-Kummissarju tal-Pulizija bi struzzjonijiet biex tinbeda investigazzjoni. Spjega li jinsab infurmat li minn Diċembru li għadda sar ħafna xogħol investigattiv biex ikun stabbilit min kien qed jabbuża, min kien qed jawtorizza l-abbużi u min kien jaf x’qed jiġri u għalaq għajnejh għal dan l-abbuż. Qal li f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jħossx li għandu jġorr ir-responsabbiltà politika.

“Li kieku ma sar xejn meta ħarġet l-informazzjoni kont nerfagħha jien kieku imma jien li ħadt azzjoni mill-mument li rċevejt l-ittra, ir-responsabbiltà jerfagħha min kien qed jikser il-liġi u min awtorizza biex tinkiser il-liġi.”

Dr Farrugia qal li għalkemm m’għadux responsabbli mill-Pulizija, jistenna li wara dan il-każ jinbidlu l-proċeduri tal-operat biex jitnaqqas il-lok għall-abbużi li qed jiġu allegati fit-taqsima tat-traffiku.

Isma’ l-intervista kollha hawn:

Aħbarijiet Oħra

Il-Qorti ċaħdet il-mandat t’inibizzjoni mitlub mill-Malta Union of Teachers (MUT) b’rabta mar-rappreżentanza tal-akkademiċi fl-Università ta’ Malta u fil-Junior College. L-MUT talbet mandat biex l-Università ta’ Malta u d-Direttur għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet…

Min jitlef kartiera bil-flus fiha, normalent iroddilha salib, għax spiss jispiċċa ma jarahiex iktar, inkella tasal lura mbattla mill-flus. Ikun hemm ukoll, iżda, każijiet fejn il-kartiera tinstab minn ruħ tajba,…

Bjorn Formosa qal li lanqas irid jemmen li wasal il-jum li fih għandha tagħti l-frott il-ħidma intensiva tal-aħħar xhur billi jinġabru fondi għal Dar Bjorn ikbar. Tard ilbieraħ Bjorn għamel…

Aktar