Politika
Isostni li se jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista

Fuq Net Television illejla Dr Adrian Delia sostna li huwa ser jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista. Sostna li wara l-vot tad-deputati rċieva eluf ta’ messaġġi jagħmlulu kuraġġ biex ikompli bil-ħidma li jinsab għaddej biha kontra l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista li qed tiswa lill-poplu seba’ miljun u nofs fix-xahar.

Dr Delia qal li l-partit nazzjonalista mhuwiex tal-ftit elitisti iżda huwa tal-ħafna li trid tinstema l-vuċi tagħhom u li huwa ser jibqa’ leali lejhom. Dr Delia qal li l-membri parlamentari għandhom jiddiskuti u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom iżda la darba tittieħed deċiżjoni kulhħadd għandu jsegwi biex ilkoll jaħdmu flimkien.

Dr Delia qal li l-għada li ħareġ ir-rapport tat-Times of Malta dwar messaġġi minn Yorgen Fenech huwa mar għand il-Pulizija biex tinfetaħ inkjesta. Qal li huwa ma għandu xejn x’jaħbi u jrid li l-inkjesta ssir malajr kemm jista’ jkun ħalli kulħadd ikun jaf il-verità.