Lokali
Isqof Malti fil-Perù jitlef qassis f’inċident traġiku . . . u jifraħ żewġ saċerdoti ġodda

Illum il-Knisja Kattolika qed tfakkar il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet. Malta għandha diversi persuni impenjati fis-saċerdozju u f’ħajja reliġjuża, b’ħidma f’Malta u anke barra.

Fost dawn l-Isqof Mons Giovanni Cefai tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li jmexxi l-prelatura ta’ Huancane fil-Perù. Dan l-aħħar hu stqarr kif għex mument ta’ niket u ieħor ta’ sodisfazzjon fil-ħidma tiegħu fil-missjoni.  Kiteb li fil-prelatura tiegħu hemm fost l-aktar toroq perikolużi fid-dinja. Wieħed mis-saċerdoti li jaħdmu miegħu, Fr Venancio miet wara li waqa’ aċċidentalment bil-karozza minn fuq l-irdum. Hu kellu 55 sena.

Mill-banda l-oħra, l-Isqof Cefai mexxa l-ordinazzjoni ta’ żewġ saċerdoti ġodda.  Hu appella għall-għajnuna biex ikun jista’ jixtri żewġ vannijiet adattati għat-toroq perikolużi li hemm qalb il-muntanji biex ikunu jistgħu jissukktaw bil-ħidma tagħhom kemm ta’ evanġelizazzjoni kif ukoll f’appoġġ lil nies li jgħixu fil-faqar, bl-għoti ta’ oġġetti essenzjali għall-ħajja.