Politika
‘Issa l-waqt li l-PM juri kemm hu kapaċi jieħu deċiżjonijiet għal governanza tajba’ – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li issa l-waqt li l-Prim Ministru juri kemm hu kapaċi jieħu d-deċiżjonijet għal governanza tajba. Staqsa x’se jagħmel bil-Ministru Justyne Caruana wara li ġie żvelat fil-media li żewġha, l-eks deputat kummissarju tal-pulizija Silvio Valletta, siefer mal-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Delia kkritika l-għażla tal-membri fil-Kumitat għall-Governanza għaliex qal li dawn ma jistgħux jagħmlu skrutinju tagħhom infushom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li issa hu l-waqt li l-Prim Ministru Robert Abela juri li verament jemmen fil-governanza tajba, li jrid paġna ġdida u li hu Prim Ministru ta’ pajjiż normali.

Hu qal dan b’referenza għal dak li żvelat The Sunday Times li l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li hu r-raġel tal-Ministru Justyne Caruana, siefer ma’ Yorgen Fenech, meta dan kien diġà ġie identifikat bħala persuna ta’ interess fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’attività politika fin-Naxxar, Dr Delia qal li l-Prim Ministru għandu jgħid jekk meta ħatar il-kabinet kienx jaf b’dan u hux aċċettabbli għalih li Justyne Caruana tibqa’ Ministru.

Il-Kap Nazzjonalista kkritika l-għażla tal-Ministru Owen Bonnici u ta’ Mario Cutajar fil-Kumitat għall-Governanza. Qal li l-Ministru Bonnici bħala Ministru għall-Ġustizzja ma ħalliex lill-istituzzjonijiet jaħdmu fil-libertà u Mario Cutajr bħala kap taċ-ċivil ta lilu nnifsu xogħol u paga oħra bi ksur tar-regoli. Qal li ma jistax ikun li dawn jagħmlu skrutinju tagħhom infushom.

Dr Delia qal li l-Prim Ministru kellu jkeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u mhux jirringrazzjah. Qal li l-eks Kummissarju għandu jiġi investigat dwar każijiet ta’ korruzzjoni, ħasil tal-flus u kriminalità f’Kastilja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Dr Abela għandu jgħid x’se jagħmel dwar Nexia BT u dwar Karl Cini, li r-rapport dwar Egrant jgħid li kellu jiġi investigat. Żied li meta l-Oppożizzjoni kienet ilha tikkundanna l-preżenza ta’ Nexia BT f’Kastilja, Dr Abela kien qed jieħu kuntratti ta’ eluf ta’ ewro mingħand il-Gvern. Qal li l-Oppożizzjoni mhix se taċċetta li backbenchers jibqgħu jingħataw il-kuntratti tal-Gvern jew jitpoġġew fuq il-bordijiet.

Dr Delia temm jgħid li jekk sa ftit xhur oħra l-Gvern ma jirnexxilux jirranġa l-ħażin li sar, ser ifisser li Malta se tibqa’ fuq il-lista s-sewda b’mod permanenti u dan ifisser li ħadd li hu serju ma jiġi jinvesti fil-pajjiż. Qal li l-ġlieda mhix bejn żewġ partiti iżda biex tiġi salvata r-reputazzjoni tal-pajjiż biex jerġa’ jaqbad id-direzzjoni t-tajba.

Qal li mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista diġà għamel ir-rakkommandazzjoni biex tissaħħaħ id-demokrazija u l-governanza tajba bi 15-il proposta li qal qegħdin isibu l-appoġġ tal-imsieħba soċjali u tas-socjetà ċivili.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

18-il persuna lbieraħ ingħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi li l-Pulizija għamlet fl-aħħar 24 siegħa biex tiżgura li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn 3 persuni f’postijiet pubbliċi…

COVID-19

Fi żmien li l-pajjiż għaddej mill-problema tal-imxija tal-COVID-19, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Mons. Mario Grech appella lis-saċerdoti f’Għawdex u lill-Għaqdiet Reliġjużi biex jagħtu l-offerta tagħhom sabiex jinxtara ventilator, ħalli dan jingħata lill-Awtoritajiet…

Temp

L-uffiċju Meterjoloġiku ħareġ twissija ta’ riħ qawwi mill-Grigal fuq il-Gżejjer Maltin. Din it-twissija ser tibqa’ fis-seħħ sal-10pm.

Aktar