Annimali
Issegwi lil sidha f’qabża spettakolari f’Delimara

Malli rat lil sidha se jaqbeż ma ħasbithiex darbtejn. Fl-aħħar jiem, qabel ma l-gżejjer Maltin sfaw milquta minn ħalbiet tax-xita bir-ragħad, iż-żagħżugħ Rabti Karl Micallef niżel sa Delimara mal-kelba tiegħu Mandy bil-għan li jgawdi l-aħħar jiem tas-sajf il-baħar. Kif kienu hemm, Mandy u sidha spiċċaw taw spettaklu ta’ bla ħsieb.

Dakinhar, bla biżà ta’ xejn u b’ħeffa liema bħalha, Karl u Mandy qabżu mill-ogħla punt fil-bajja ta’ St Peter’s Pool qalb l-għajjat u ċ-ċapċip ta’ dawk preżenti. Ġest spettakolari, li paxxa minnufih lill-għawwiema li kienu fl-inħawi.

F’kummenti lil tvm.com.mt, b’wiċċu minn quddiem, Karl qal li Mandy hija l-mimmi t’għajnejh tant li jqisha daqslikieku kienet bintu. Belgian Malinois, ta’ sena u nofs. Qalilna, li ta’ tliet xhur Mandy kienet diġà l-hena tagħha tinżel il-baħar.

Minkejja l-kunfidenza mal-ilma, Karl stqarr li l-qabża li għamel dan l-aħħar ma’ Mandy f’Delimara ma tħarrġux għaliha. Qal, li hekk kif il-kelba lemħitu riesaq lejn ix-xifer tal-blat lest biex jaqbeż ma tilfitux minn taħt għajnejha biex tagħmilha miegħu. Liema ġest, Karl qal li huwa xhieda ta’ kemm Mandy tafda fih b’għajnejha magħluqa.

https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/2769653096653331/?t=3