Lokali
Issejjaħ għal żieda immedjata fir-restrizzjonijiet

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina fis-Saħħa Pubblika, l-MAPHM sejħet għal żieda immedjata fil-miżuri restrittivi biex titnaqqas ir-rata għolja preżenti ta’ infezzjonijiet ġodda tal-COVID-19.

L-MAPHM qalet li matul dawn l-aħħar ġimgħat rajna l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet ġodda. Qalet li l-isptar jinsab mimli daqs bajda u fadal biss ftit sodod għal pazjenti li jkunu jeħtieġu kura intensiva.

Żiedet tgħid li pajjiżi oħrajn marru f’lockdown b’rata ta’ infezzjonijiet li hija inqas minn dik li għandna f’pajjiżna. L-Assoċjazzjoni qalet li mhix tal-parir li mmorru għal lockdown iżda qalet li hemm ħtieġa li jiddaħħlu miżuri aktar stretti biex il-virus ma jkompli jinfirex bir-rata li qed jinfirex.

L-MAPHM tenniet li jekk mhux se nieħdu miżuri restrittivi f’dan il-mument, se nispiċċaw f’sitwazzjoni agħar fi ftit ġimgħat fejn se nkunu neħtieġu aktar miżuri ħorox. Żiedet tgħid li ladarba jonqsu l-infezzjonijiet, u ladarba titlaqqam parti kbira mill-popolazzjoni, inkunu nistgħu nerġgħu nibdew b’mod gradwali bl-attivitajiet.

L-Assoċjazzjoni temmet tappella għar-responsabbiltà individwali u ħeġġet lill-pubbliku biex jevita li jiltaqa’ fi gruppi, iżomm id-distanza ta’ żewġ metri, jilbes il-maskla b’mod xieraq u jaħsel idejh bis-sapun b’mod regolari u l-aktar meta ma jkunx id-dar.