Lokali
Issib darha ta’ taħt fuq – tiskopri li immigranti krewha minn wara daharha

Kważi xahrejn wara li ġie żvelat li immigranti Afrikani kienu qed joqogħdu b’kirja f’razzett tal-baqar, instab każ ieħor ta’ immigranti li spiċċaw joqogħdu f’dar abbandunata f’Tas-Sliema minn wara dahar il-propjetarja tagħha.

Il-mara anzjana skopriet li darha ġiet okkupata mingħajr il-kunsens tagħha u mhux eskluż li l-immigranti li kienu qed joqogħdu fiha possibilment kienu qed iħallsu l-kera lil persuna oħra.

Dar b’żewġ sulari fi Triq l-Imrabat f’Tas-Sliema li ilha żmien vojta, jidher li spiċċat ta’ kenn għal numru ta’ immigranti li spiċċaw jabitaw fiha mingħajr il-kunsens ta’ mara anzjana li hija l-propjetarja tagħha.

Dan sar magħruf meta l-anzjana, li fuq ix-xewqa tagħha m’aħniex nidentifikawha, kmieni wara nofsinhar kienet għaddejja minn ħdejn il-proprjetà flimkien mar-raġel ta’ bintha u lemħet il-bieb tad-dar imbexxaq.

F’kummenti ma’ TVM, l-anzjana qalet li għokritha għajnejha li xi ħadd seta’ daħal f’darha u għamlet il-kuraġġ u daħlet biex tara x’seta’ ġara u sabet ma’ wiċċha ħafna taqlib.

“Sibt kollox sotto sopra għax qalbu kollox u r-raġel tat-tifla tiegħi mill-ewwel induna u qalli hawnhekk hawn xi ħadd li qed joqgħod hawn. Kien hawn il-bottijiet tal-birra. Qalli dan mhux każ ta’ serq imma li qed jiġu hawn u jagħmlu l-post tagħhom. Bħal qisha qabditni rogħda, tlajt niġri fuq u nara l-bieb b’purtiera, bdejt ngħajjat – whose in here u ħarġu dawn it-tnejn,” irrakkontat l-anzjana.

Meta affaċċjat liż-żewġt irġiel u staqsiethom x’kienu qed jagħmlu f’darha, huma qalu li krew il-post minn persuna oħra.  “Qaluli li dan ġabna hawnhekk dal-persuna – li ma nafx min hu – ġabna hawnhekk – ħallasna €300 – għandu jkun kull persuna ħallas biex joqogħdu hawn għal xahar,” kompliet tgħid l-anzjana lil TVM.

Jirriżulta li ż-żewġt irġiel li kienu fuq il-post huma Somali. Il-Pulizija tkellmu magħhom filwaqt li ngħataw l-għajnuna biex il-lejl li ġej ikollhom fejn imiddu rashom.

Sa xħin konna fuq il-post ma kienx għadu stabbilit jekk fid-dar kinux qed joqogħdu aktar immigranti imma mill-oġġetti li nstabu fi kmamar differenti, inkluż ikel u ħwejjeġ jidher li d-dar ilha ftit mhux ħażin tkun abitata minn diversi persuni.

Fil-filmat t’hawn isfel, tistgħu taraw is-sitwazzjoni li sabet is-sidt tal-post appena daħlet fil-binja tagħha – binja li ilha ma tkun abitata għal dawn l-aħħar erba’ snin.

L-anzjana qalet li jekk iż-żewġ persuni qed jgħidu l-verità, trid li ssir ġustizzja u jinqabad min kien qed jikrilhom il-post b’mod illegali.

TVM jinsab infurmat li l-Pulizija qed jistħarrġu dal-kaz kif ukoll qed jaraw jekk propjetajiet oħra simili fl-inħawi humiex qed jiġu sfruttati bl-istess mod.

 

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Tfajla ta’ 24 sena bil-kundizzjoni Bi-Polar qalet li minn ħajja solitarja u dipressiva, illum qed tgħix ħajja feliċi grazzi għal mara li qed tiddedika ħajjitha għal żgħażagħ b’diżabiltà. Fiona Ellul…

Lokali

Fis-sajf li ġej, grupp ta’ ċiklisti mil-LifeCycle ser jaqdfu elfejn kilometru fi tliet pajjiżi fl-Ażja biex ikomplu jinġabru fondi għar-riċerka fuq il-mard tal-kliewi u biex tkun iffinanzjata għajnuna psikoloġika għall-pazjenti…

Kultura

Fil-Mużew Marittimu fil-Birgu se jkun hemm esebizzjoni li tiċċelebra l-legat tal-esploratur marittimu, Jacques Cousteau, u l-konnessjoni tiegħu ma’ Malta permezz tal-vapur ‘Calypso’, li wara li baħħar bi vjaġġi bejn Malta…

Sport

Kumpanija Maltija li bbenefikat mill-programm nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni, Fusion, bdiet tipproduċi sistemi ta’ dawl LED biex jintużaw f’kumplessi sportivi. F’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, il-kumpanija Altern bdiet tinstalla sistema ta’…

Aktar