Lokali
Issostni li ma saret ebda ħsara lil strutturi tal-Akkwadott ta’ Wignacourt f’Ħal Balzan

Infrastructure Malta qalet li ma saret ebda ħsara lil blokki li jagħmlu parti mill-Akwadott ta’ Wignacourt f’Ħal Balzan.

F’post fuq il-midja soċjali, l-għaqda Din l-Art Ħelwa tellgħet għadd ta’ ritratti tax-xogħlijiet li għaddejjin bħala parti mill-proġett tas-central link u qalet li qed issir ħsara lill-akkwadott li għandu madwar 400 sena.

Qalet li din il-parti tal-akkwadott m’għandhiex arkati iżda xorta waħda tagħmel parti minn din l-istruttura storika u talbet biex xi ħadd jinvestiga l-iskavar li għaddej.

Bi tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet minn tvm.com.mt, Infrastructure Malta qalet li r-ritratti juru t-tindif taż-żona qrib strutturi li jagħmlu parti mill-akkwadott u li ebda struttura mill-akwadott ma ġarrbet xi ħsarat jew ġiet rilokata.

Żied jingħad li blokki tal-akkwadott li biċċiet minnhom huma midfuna taħt l-art se jibqgħu jagħmlu parti mill-bankina. Tenniet li x-xogħlijiet li qegħdin isiru ħdejn l-akkwadott huma meħtieġa bħala parti mill-bini mill-ġdid tat-triq li qed tinbena fuq livell ogħla bħala parti minn disinn ġdid tat-triq biex tiżdied is-sigurtà f’konformità mal-permessi.

Infrastructure Malta qalet li x-xogħlijiet kollha qrib siti storiċi jsiru taħt is-superviżjoni tal-arkeoloġisti approvati mis-Sovraintendenza Kulturali.