Lokali
It-30 sena tal-Malta Summit – il-laqgħa li difnet il-Gwerra l-Bierda

Bħal-lum tletin sena ilu Malta kienet ospitat summit storiku bejn l-aktar żewġ mexxejja influwenti fid-dinja dak iż-żmien: George Bush li kien President tal-Istati Uniti u l-Mexxej tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbachev.

Is-summit hu magħruf bħala l-avveniment li simbolikament temm il-Gwerra l-Bierda. Tletin sena wara, Gorbachev iħeġġeġ lill-mexxejja biex jerġgħu jibdew il-koperazzjoni fl-istess spirtu tal-laqgħa li kellu f’Malta.

Għal kważi 30 sena kien l-iktar sinjal viżibbli tal-firda ħarxa bejn il-Lvant u l-Punent.

Il-ħajt ta’ Berlin waqa’ fid-9 ta’ Novembru 1989. Kien il-bidu tat-tmiem ta’ l-hekk imsejħa ‘Gwerra Bierda’ bejn il-lvant u l-punent u l-alleanzi militari tagħhom.

Ġimgħatejn qabel il-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami rċieva talba mill-ambaxxaturi taż-żewġ super potenzi. Ħames snin ilu rrakkonta dwar dan f’intervista li ma xxandret qatt.

“They came together and the first thing they said was we are here on behalf of our President’s who have asked us to see you and to put a question to you and the question was, Would Malta host a meeting between President Gorbachev and Bush in Malta, my immediate reply was ‘with open arms’

L-istorja kienet qed tirrepeti ruħha għaliex fi Frar tal-1945 kienu ltaqgħu f’Malta, il-President tal-Istati Uniti, Franklin Roosevelt u l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Winston Churchill. Huma kienu fi triqthom lejn Yalta għal-laqgħa mal-Mexxej Sovjetiku Joseph Stalin.

Fi kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-laqgħa ta’ Malta rrevediet id-deċiżjonijiet li kienu ttieħdu f’Yalta fosthom dwar il-qsim tal-Ewropa.

“Is-summit ta’ Malta temm dik il-gwerra bierda u naħseb tajjeb niftakru kemm il-ħitan ma kienu solvew xejn u kemm in-nies kienu ferħu meta dawk il-ħitan kienu twaqgħu”.

Jingħad li Malta kienet intgħażlet għal żewġ raġunijiet – minħabba li kienet newtrali u fuq kollox minħabba li fil-bidu ta’ Diċembru t-temp tradizzjonalment ikun sabiħ.

Madankollu fit-tmiem il-ġimgħa tat-2 u t-3 ta’ Diċembru, 1989, Malta nħakmet minn maltempata qalila tant li l-pjan tal-mexxejja li jiltaqgħu fuq bastimenti navali ta’ xulxin, kellu jiġi abbundat u spiċċaw jiltaqgħu biss fuq il-cruiser ċivili Sovjetiku, Maxim Gorkiy li kien għall-kenn fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Tletin sena wara, Mikhail Gorbachev jissuspetta li t-tempesta ta’ dakinhar kienet sinjal li l-ħallieq kellu pjan għall-paċi. “It seemed that someone high above perhaps God was dictating a peaceful settling for this meeting”

Uffiċjali li dak iż-żmien kienu qrib l-aktar żewġ persuni influwenti fid-dinja jargumentaw li f’Malta ż-żewġ mexxejja rnexxilhom jistabilixxu relazzjoni personali u djalogu għal paċi fid-dinja kif stqarr il-President Amerikan, George Bush fi tmiem is-Summit ta’ Malta.

“As I leave Malta, I am optimistic that if the West works patiently together and increasingly cooperates with the Soviet Union, we can realise a lasting peace and transform the East-West relationship to one of enduring cooperation”.

Għalkemm f’Malta ma ġie iffirmat l-ebda ftehim, iż-żewġ mexxejja jaqblu li kien hawn li temmew ir-rivalità politika u ostili ta’ bejn iż-żewġ blokki li ddominat it-tieni parti tas-seklu għoxrin.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, allega li l-Prim Minsitru ta lill-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, kuntratt ta’ konsulenza biex ikkonvinċieh jitlaq minn Kummissarju. F’diskors il-lejla f’Ta’ Sannat, Dr Delia saħaq…

Saħħa

Il-coronavirus daħal fl-Ewropa. L-ewwel tliet każi kienu konfermati fi Franza, b’żewġ pazjenti jinsabu fi sptar f’Pariġi u ieħor fil-belt ta’ Bordeaux. Tnejn mill-pazjenti jiġu minn xulxin. Il-virologu, Christopher Barbara, li…

Lokali

Minn hawn u xahrejn oħra, se tibda tiġġenera l-elettriku l-ikbar solar farm f’Malta. B’daqs ta’ 90 tomna, is-solar farm privata, li tinsab fil-limiti tal-Imġarr, tesa’ madwar 17,000 pannella tax-xemx. Fl-istess waqt,…

Aktar