Barranin
It-Talibani se jerġgħu jibdew jaqtgħu idejn il-ħallelin – għad iridu jiddeċiedu hux fil-pubbliku

It-Talibani ddeċidew li jerġgħu jibdew jaqtgħu l-pali tal-idejn ta’ dawk li jinstabu ħatja ta’ serq u anke joqtlu lil dawk li jkunu nstabu ħatja ta’ qtil.

Fl-istess waqt għad iridu jiddeċiedu jekk dan isirx fil-pubbliku kif kien isir fil-passat meta kienu diġà jmexxu l-Afganistan.

Kien Nooruddin Turabi, wieħed mill-fundaturi tat-Talibani, li kkonferma dan. Turabi huwa responsabbli mit-twettiq tal-liġi Iżlamika.

Huwa ddefenda l-fatt li fil-passat il-ħallelin jew qattiela kienu jiġu sentenzjati fi grawnd quddiem il-pubbliku.

Turabi nsista li l-qtugħ tal-pali tal-idejn tal-ħallelin huwa neċessarju għas-sigurtà fil-pajjiż.

Fil-passat familja ta’ persuna li tkun ġiet maqtula kienet tingħata d-dritt li tispara f’ras il-qattiel.

Fil-każ tal-ħallelin min jisraq kienet tinqatalu pala ta’ id mentri jekk is-serqa ssir fit-triq minbarra l-pala tal-id kienet tinqatalu wkoll sieq.