Kurżitajiet
It-Taljana li tawha sitt dożi tal-Pfizer bi żball tgħid li għaddejja minn żmien diffiċli

It-Taljana ta’ 23 sena li ngħatat sitt dożi tat-tilqima tal-Covid stqarret li għaddejja minn żmien diffiċli u li mhux qed tħossha tajba la fiżikament u lanqas mentalment.

Kien f’Mejju li għadda meta Virginia Grilli ngħatat bi żball id-doża għal sitt darbiet fl-isptar Noa di Massa f’Firenze.

L-iżball seħħ meta l-infermiera li injettatha tatha l-kontenitur kollu li kien fih is-sitt dożi u mhux doża waħda.

Grilli kellha tingħata fluwidi u paracetamol biex jagħmlu tajjeb għad-dożi.

It-tfajla stqarret mal-mezzi tax-xandir Taljani li mhix tħossha sew u li ħajjitha nbidlet minħabba dak li ġara.

Madankollu hija appellat lin-nies biex jieħdu t-tilqima, jilbsu l-maskri u jevitaw li jkunu fi gruppi kbar.

Grilli għandha wkoll problema oħra … dik li l-awtoritajiet ma jridux joħorġulha l-Green pass.

“Ħadd ma jrid jieħu r-responsabbiltà u joħroġli l-Green pass għax tiegħi huwa każ uniku”.

Hija wissiet li lesti tiftaħ kawża kontra l-Ministeru tas-Saħħa għax mingħajru ma tistax tattendi l-Università ta’ Pisa biex tkompli bl-istudji tagħha fil-psikoloġija.