It-tberik tan-nar fuq l-għatba tal-Kon Katidral

Il-Knisja qed tfakkar l-akbar festa tagħha: l-Għid il-Kbir.

Is-Sibt filgħaxija fil-knejjes kollha saret iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid li matulha dawk preżenti għexu erba’ mumenti importanti.

L-ewwel sar it-tberik tan-nar.

Fil-Kon Katidral iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna li flimkien mal-kapitlu tal-katidral u s-seminaristi nġabru fuq l-għatba tal-entratura prinċipali fejn hemmhekk tqabbad in-nar biex minnu nxtegħel il-Blandun li huwa simbolu ta’ Kristu, id-dawl tal-insara. Fuqu naqax salib, l-ittri l-Alfa u Omega, l-ewwel u l-aħħar ittra ta’ l-alfabett Grieg u wkoll in-numri ta’ din is-sena – 2015.

Kif inxtegħel il-blandun ngħata bidu għall-purċissjoni lejn l-artal fejn wara l-qari mill-Kotba Mqaddsa, saret il-liturġija tal-Magħmudija u fl-aħħar l-Ewkaristija, il-preżenza ta’ Kristu ħaj.

Dalgħodu f’għadd ta’ lokalitajiet ħarġu l-purċissjonijiet bl-istatwi tal-Irxoxt.