Lokali
It-Teatru Astra ta’ Għawdex jaħdem xeni għal opra fi Sqallija

Xogħol talent Għawdxi fix-xenografija ġie esportat f’dawn il-ġranet lejn Sqallija. It-Teatru Astra lesta l-bini tas-sett tal-opra lirika Cavalleria Rusticana ta’ Pietro Mascagni, li f’dan ix-xahar se tittella’ erba’ darbiet mill-Coro Lirico Siciliano.

It-Teatru Astra tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tar-Rabat Għawdex għadu kemm ħadem xeni għall-opra lirika Cavalleria Rusticana ta’ Pietro Mascagni li se tittella’ fi Sqallija mill-Coro Lirico Siciliano. Ix-xenografija se tintuża erba’ darbiet fi produzzjonijiet li se jsiru dan ix-xahar fi Ġnien Vincenzo Bellini f’Catania, fit-Teatru Grieg ta’ Tindari, fit-teatru Ruman-Grieg ta’ Taormina u fit-Teatru Grieg ta’ Siracusa.

Id-disinn ta’ din ix-xenografija ġdida sar mill-artist Għawdxi u xenografu tat-Teatru Astra, Joseph Cauchi flimkien ma’ Andrew Portelli.

“Meta tħaddidna fuq ix-xenografija mad-diretturi barranin jibqgħu impressjonati t-tip ta’ xenografija li jirnexxielna ntellgħu hawnhekk. L-ewwelnett għax tkun mhux tradizzjonali imma fl-istess ħin mhux dak il-modern estrem. Naħdmu xenografija adattata għan-nies. Għalhekk ix-xenografija fit-Teatru Astra mfittxija ħafna mil-lokali u kif qed nagħmlu hawn, imfittxija ħafna mill-barranin ukoll.”

It-Teatru Astra kien tella’ l-opra lirika Cavelleria Rusticana fl-2006/ Din mhix l-ewwel darba li prodott artistiku ta’ dan it-teatru ġier esportat. Seba’ snin ilu, l-istess x-xenarju u l-kostumi tal-opra lirika Nabucco ntbagħat Rimini, fl-Italja.

Minħabba l-pandemija, għat-tieni sena konsekuttiva, it-Teatru Astra kellu jipposponi żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra lirika Carmen li kienu skedati li jsiru lejn l-aħħar t’Ottubru li ġej. Għalhekk, kif qal il-President tas-Soċjetà La Stella, Michael Formosa, din l-esperjenza se sservi ta’ opportunita’ għat-Teatru Astra biex din is-sena wkoll jdewwaq parti żgħira mill-potenzjal artistiku tiegħu.

“Dan huwa ta’ sodisfazzjon għat-Teatru Astra li minkejja l-problemi kollha tal-aħħar xhur, xorta b’aspett qawwi ta’ volontarjat irnexxielu jtella’ dan is-sett li se jagħmel unur mhux biss lit-Teatru Astra, pero’ fuq kollox lil Malta u lil Għawdex.”

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.