Mużika
It-Teatru Manoel bil-bieb magħluq… iżda mhux għalkollox

It-Teatru Manoel ukoll kien vittma tal-imxija tal-Covid-19 u kellu jħassar ir-rappreżentazzjonijiet skedati sa Lulju. Madankollu, mhux se jħalli lill-udjenzi sajmin għax kull nhar ta’ Sibt, qed iwassal sensiela ta’ rappreżentazzjonijiet permezz tal-facebook.

L-imxija tal-Covid-19 ħarbtet il-programm tat-teatru Manoel, bir-rappreżentazzjonijiet teatrali li kienu skedati għal dan l-istaġun kellhom jitħassru.

Id-direttur artistiku tat-teatru Manoel, Kenneth Zammit Tabona, qal li t-teatru li ddebutta bl-ewwel rappreżentazzjoni f’Jannar tal-1732 qed jiffaċċja sfida bla precedent biex jippjana l-programm tiegħu.

“Skont l-esiġenzi tal-pendemija. skont x’se jiġri. għaliex lanqas jiddependi fuq x’qed jiġri Malta, anki x’qed jiġri barra, jekk ikollok opra jew plays, ikollok xi attur, kantant u direttur li jiġi minn barra, u dan kif irrid jiġi minn barra jekk l-ajruport huwa magħluq?,” qal Kenneth Zammit Tabona.

Biex iwieġbu għar-realtà ġdida tal-Covid-19, u fl-istess ħin jissodisfaw l-udjenzi għall-produzzjonijiet teatrali ta’ kwalità u jilħqu oħrajn ġodda, it-teatru qed iwassal it-Teatru Manoel Concert Streaming Series, b’uħud mill-aqwa produzzjonijiet jixxandru fil-paġna tat-teatru fuq Facebook.

Sibt il-Għid se jkun allokat għall-esplorazzjoni mużikali tal-miti u l-leġġendi assoċjati mal-karattru Orpheus fl-opra Orphée et Eurydice tal-kompożitur Gluck u l-libretto ta’ Ranieri de’ Calzabigi, akkumpanjata b’xenografija u kostumi spettakolari u b’kast formidabbli ta’ kantanti solisti, kor u żeffiena.

Nieħdu l-opportunità biex nuru l-varjeta tar-rappreżentazzjonijiet li tista’ tara meta tiġi it-teatru Manoel. Hemm diversi opri li rridu nuru u għandna wkoll affarijiet bħal plays, kunċerti, rapprżentazzjonijiet taż-żfin u affarijiet oħrajn… l-idea hi li billi t-teatru hu magħluq aħna xorta nistgħu inwasslu kontenut ta’ kwalita

L-opra Orphée et Eurydice se tixxandar fuq il-paġna tal-Facebook tat-Teatru Manoel, f’Sibt il-Għid, fl-4.30 p.m.