Kultura
It-Teatru Manoel iżanżan l-arja kundizzjonata – daqt titlesta wkoll il-faċċata

It-Teatru Manoel żanżan sistema ġdida ta’ ventilazzjoni li se tipprovdi kundizzjoni ta’ klima komda għall-pubbliku, filwaqt li saret riabilitazzjoni tas-saqaf u ġew stallati siġġijiet ġodda fil-platea.

Fi żmien tmien xhur għandu jitlesta wkoll ir-restawr fuq il-faċċata ta’ dan it-teatru, l-eqdem wieħed li għadu jintuża fl-Ewropa.

Fuq l-għatba ta’ staġun teatrali ġdid, it-tmexxija tat-Teatru Manoel qalet li l-pubbliku li jattendi l-attivitajiet f’dan it-teatru storiku ser jara d-differenza wara li tlestew xogħlijiet li swew ftit inqas minn żewġ miljun ewro biex, fost oħrajn, it-teatru jkun jista’ jintuża anke fis-sajf b’sistema ta’ arja naturali.

Waqt żjara fit-teatru Manoel, il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici qal li l-proġett inkluda wkoll ir-riabilitazzjoni tas-saqaf tat-teatru bl-intervent ewlieni jkun l-installazzjoni ta’ travi tal-azzar bħala appoġġ għas-sistema ta’ ventilazzjoni ġdida li hija effiċjenti fl-enerġija u favur l-ambjent.

“Issa t-teatru sar wieħed li huwa aclimitzed, mhux air conditioned għax hawnhekk ma tistax tagħmel air condition. Imma użajna sistema teknika ġdida, li twassal biex fis-sajf ikun hawn il-frisk u fix-Xitwa jkun hawn is-sħana. Din hija xi ħaġa innovattiva li stajna nagħmluha bis-saħħa ta’ fondi Ewropej li rnexxilna nakkwistaw, sabiex inkunu nistgħu nagħtu esperjenza sabiħa li kull min jiġi hawnhekk,” qal il-Ministru.

Uffiċjali spjegaw li x-xogħlijiet bdew mill-pedamenti, u saru skavi, u ġie dokumentat kif inbena dan it-teatru fi żmien il-Gran Mastru Manoel u anke l-interventi li saru fi żmien l-Ingliżi.

L-art tal-platea saret mill-ġdid mill-injam u se tipprovdi akustika aħjar għall-orkestra. Is-siġġijiet il-ġodda ġew iddisinjati biex jikkumplimentaw l-istil barokk tat-teatru. Sadanittant għadu għaddej ir-restawr fuq il-faċċata tat-teatru li għandu jitlesta sa April li ġej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, qal li l-investiment f’dan il-proġett huwa parti minn investiment ta’ €80 miljun iddedikati għall-qasam kulturali li jridu jintefqu sal-2020. Dr Farrugia qal li dan l-investiment huwa maħsub biex jippreserva l-identità Maltija, jissaħħaħ il-prodott turistiku u l-legat tal-wirt kulturali tal-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Erbat’ijiem oħra Ela Mangion titlaq lejn Minsk fil-Belarus biex bil-kanzunetta Marchin’ On tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest. Il-250 studenta, l-għalliema u l-kap tal-iskola sekondarja Immaculate Conception f’Ħal Tarxien,…

Qorti

Raġel minn Tal-Pietà weħel multa talli xerred filmat pornografiku li fih kien hemm l-eks sieħba tiegħu. John Ebejer ta’ 37 sena ġie akkużat li xerred il-filmat onlajn li juri lilu…

Kunsilli Lokali

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali u l-Komunitajiet, Silvio Parnis, appella lill-Kunsilli Lokali biex jużaw b’responsabilità l-fondi li jallokalhom il-Gvern. Fi preżentazzjoni lill-Kunsilli Lokali, is-Sur Parnis spjega kif se jitqassmu l-€53…

Aktar