Lokali
It-Teatru Salesjan u l-Fondazzjoni HELA jirċievu l-Premju tal-President għall-Kreattività 2020

It-Teatru Sależjan f’Tas-Sliema hu r-rebbieħa tal-Premju tal-President għall-Kreattività fil-fergħa Tisħiħ u Żvilupp tal-Kapaċitajiet.

Id-Direttur Eżekuttiv tat-Teatru Sależjan, Fr Charles Said, qal li bl-ingaġġ ta’ persuna xierqa, it-Teatru se jkun f’qagħda li jissokta jsaħħaħ is-sens ta’ għożża fil-komunità filwaqt li jwessa’ l-parteċipazzjoni fil-komunità bl-espressjoni kreattiva.

“Aħna nemmnu fl-ugwaljanza. Nemmnu fl-opportunitajiet lil kulħadd. Nemmnu li kull persuna għandha ġo fija dik il-kreattività u dakinhar biex tesprimi l-umanità, u permezz ta’ dawn il-programm aħna qed nagħtu kreattività, nagħtu nar u ħeġġa u enerġija lil dak in-nar li qiegħed f’kull persuna li niltaqgħu magħha.”

Il-Fondazzjoni HELA hi r-rebbieħa tal-fergħa Żvilupp ta’ Proġetti u Programmi. Is-Segretarja tal-Fondazzjoni, Leanne Ellul, spjegat li l-proġett hu maħsub biex irawwem fost oħrajn imħabba lejn il-qari fost il-komunità Rabtija.

“HELA qed tfittex li tpoġġi l-kotba fiċ-ċentru tar-Rabat imma wkoll lil hinn. Għal dan il-għan qed nagħmlu attivitajiet varji. S’issa ħriġna l-ewwel gazzetta letterarja imma se jkollna wkoll qari għat-tfal u l-kbar. Iktar gazzetti letterarji naturalment u attivitajiet li jfittxu li jqarbbu l-komunità lejn il-kotba.”

F’indirizz li sar b’mod virtwali minħabba l-pandemija, il-President George Vella, qal li dawn iż-żewġ proġetti għandhom għan komuni: dak li jikber, jissaħħaħ, u jiġġedded is-sens ta’ komunità li qal f’ħafna postijiet intilfet jew tħalliet traskurata.

“Dan hu ż-żmien li naħsbu fit-tul biex niġġeddu u noħolqu ideat ġodda. Insibu opportunitajiet ta’ espressjoni kreattiva, u għaliex le, insaħħu wkoll l-aċċessibilità u l-inklużjoni permezz tal-kreattività.”

Il-Ministru għall-Arti, José Herrera, qal fiż-żmien tal-pandemija l-artisti qed ikunu ta’ ispirazzjoni biex tikber is-solidarjetà u jissaħħu l-komunitajiet filwaqt li titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Ir-rebbieħa taż-żewġ proġetti rċievew bejniethom €75,000 mifruxa fuq medda ta’ tliet snin.