Lokali
It-teknoloġija fil-Qorti se tissaħħaħ b’€10m mill-pjan ta’ rkupru ta’ Malta

Il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza ta’ Malta approvat formalment mill-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra jiddedika €10 miljun għall-ġustizzja diġitali. Il-Gvern ippubblika għall-konsultazzjoni dokument bi strateġija maħsuba biex issaħħaħ l-użu tat-teknoloġija fil-qasam tal-ġustizzja. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li l-viżjoni tal-Gvern hi li l-użu tat-teknoloġija fl-operat tal-Qorti jkun in-norma u mhux l-eċċezzjoni.

Is-saltna tad-dritt hi waħda mis-sitt prinċipji li tfasslet fuqhom l-istrateġija għall-ġustizzja diġitali li għandha l-għan fost oħrajn li tħares id-dritt tas-smigħ xieraq. L-istrateġija qed tesplora fost oħrajn l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-operat tal-Qrati biex tiżdied l-effiċjenza filwaqt li jibqgħu jitħarsu d-drittijiet tal-akkużati.

Waqt li nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-istrateġija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li l-pjan hu li s-sistema tal-ġustizzja f’Malta tkun waħda iktar effiċjenti, effettiva u aċċessibbli għan-nies. Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-istrateġija tfasslet minn esperti Ewropej wara li kkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati. Hu fisser il-viżjoni tal-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja diġitali.

“Irridu naslu f’sitwazzjoni fejn l-użu tat-teknoloġija fil-ġustizzja tiġi n-norma u l-użu kif inhu llum jiġi l-eċċezzjoni. Dan kollu permezz ta’ strateġia diġitali għaċ-ċittadin, għalih, mingħandu u għal għandu lura biex ikun iktar komdu u biex il-ġustizzja ssir aħjar.”

L-istrateġija tfasslet permezz ta’ fondi Ewropej. F’messaġġ virtwali, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza ta’ Malta hemm iddedikati €10 miljun għad-diġitalizzazzjoni tal-qasam tal-ġustizzja.

“Dan hu pass importanti li fuqu se nkomplu nibnu, li fuqu se nagħmlu investiment, li se ndaħħlu iktar effiċjenza, se nagħtu iktar għodod biex il-qasam tal-ġustizzja jkun iktar effiċjenti u fuq kollox jagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin.”

Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fit-13 t’Ottubru.