Saħħa
It-telefonati għall-għajnuna lill-Fondazzjoni Richmond żdiedu b’erba’ darbiet

Stħarriġ ikkummissjonat mill-Fondazzjoni Richmond joħroġ li l-pandemija tal-Covid-19 laqtet is-saħħa mentali tan-nies, fosthom il-benesseri tagħhom, iż-żieda fl-ansjetà, sintomi ta’ dipressjoni u solitudni.

Matul is-sena li għaddiet, id-domanda għal servizzi ta’ terapija żdiedu b’madwar 500 sessjoni, waqt li t-telefonati fuq il-linja ta’ għajnuna 1770 żdiedu b’erba’ darbiet biex laħqu total ta’ 3,600 telefonata.

L-istudju wera li matul is-sena, l-impatt fuq is-saħħa mentali kawża tal-Covid-19 mistenni li jkun iktar qawwi, bl-esperti qed jenfasizzaw l-importanza li s-servizzi tas-saħħa mentali adekwati jkunu disponibbli biex itaffu l-effetti fit-tul.

Fi żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, huma setgħu jaraw it-tip ta’ servizzi li toffri l-Fondazzjoni Richmond li twaqqfet 27 sena ilu, u tibqa’ minn ta’ quddiem biex tippromwovi u tipprovdi servizzi lil persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.

Il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern jibqa’ impenjat jipprovdi l-għajnuna kollha biex din il-fondazzjoni toffri l-aħjar servizz professjonali fil-qasam tas-saħħa mentali.

Il-Fondazzjoni ngħatat ukoll appoġġ finanzjarju mill-Ministeru għas-Saħħa u s-Servizzi tas-Saħħa Mentali biex testendi s-servizz tal-helpline 1770 u jingħata 24 siegħa kuljum. Iċ-chairman tal-Fondazzjoni Richmond Anthony Guillaumier qal li n-nefqa ta’ €3 miljun fis-sena f’servizzi ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-injezzjoni diretta finanzjarja li offra l-Gvern.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Stephania Dimech Sant, qalet li Malta teħtieġ servizzi tas-saħħa mentali iktar varjati u b’riżorsi tajba fil-komunità.