It-tema tal-abbuż sesswali fil-kanzunetta ‘Ġismi’ tirbaħ l-Għanja tal-Poplu

‘Ġismi’ kantanta minn Ecca Muscat hija r-rebbieħa tad-39 edizzjoni tal-festival l-Għanja tal-Poplu li sar il-bieraħ fis-Sala Sir Temi Zammit, l-Università ta’ Malta.

‘Ġismi’ bi kliem ta’ Mark Pellicano u mużika ta’ Matthew Pellicano titratta l-frustrazzjoni ta’ min jgħaddi mill-kefrija t’abbuż sesswali.

Fit-tieni post ġiet l-kanzunetta ‘Ċans ieħor’ kantanta minn Raquel Galdes, kliem ta’ Daniel Paul Farrugia u mużika ta’ Norbert Borg.

Fit-tielet post ġiet ‘Battibekk’ kantanta minn Rita Pace bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u Paul Attard u mużika ta’ Rita Pace.

Waqa il-festival kienu premjati wkoll l-Abstract Acoustic Duo bil-kanzunetta ‘Niftakarna’ għall-aħjar talent żagħżugħ, bi kliem u mużika ta’ Gabriel Cassar.

Rita Pace b’Battibekk’ rebħet l-aħjar interpretazzjoni, Mark Pellicano bil-kanzunetta ‘Ġismi rebaħ l-aħjar tema soċjali u Mark Cachia rebaħ l-aħjar kantawtur bil-kanzunetta ‘Waqt li qed nitfi d-dawl’.

Fil-festival ta’ din is-sena ħadu sehem 16-il kanzunetta li ntgħażlu minn fost 105 li ġew sottomessi.

Il-festival ġie organizzat mill-YTC, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Arts Fund, iċ-Ċentru tal-kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, u l-Fondazzjoni Valletta 2018.

Il-kanzunetti tal-Għanja tal-Poplu se jintuzaw għall-avveneimenti li se jsiru meta l-Belt tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

L-Għanja tal-Poplu – il-festival li jagħti importanza lill-ilsien Malti b’kanzunetti b’temi ħafna drabi soċjali li jiriflettu dak li tkun għaddejja minnu s-soċjeta’ Maltija, sar b’kollaborazzjoni mal-Public Broadcasting Services.

Is-serata tal-bieraħ ixxandret dirett fuq Radju Malta u se tixxandar fuq TVM2 fil-31 ta’ Marzu.

Dan il-festival ġie organizzat għall-ewwel darba fl-1973 mill-Youth Travel Circle, il-YTC; u matul iż-żmien żviluppa bħala appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u mużikali.

Isma l-kanzunetta rebbieħa hawn