Parlament
26,000 reġistrazzjoni mal-Awtorità tad-Djar minn sidien li jikru lil terzi

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar illi fl-aħħar għaxar xhur kien hemm 26,000 reġistrazzjoni mal-Awtorità tad-Djar minn sidien li jikru lil terzi.

Il-Minsitru Galdes qal dan fil-Parlament li ddiskuta l-estmi finanzjarji tal-akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li b’dawn ir-reġistrazzjonijiet, is-sidien taw iċ-ċans lill-inkwilini li jibbenfikaw mis-sussidju fuq il-kera. Huwa qal illi hemm 3,000 familja li qed igawdu mill-erba miljun ewro maħruġa għal dan il-benefiċċju meta fl-2012 kie hemm biss inqas minn €800,000 allokati għal dan.

Il-Minsitru tal-Akkomodazzjoni soċjali qal li llum qed jitwettaq l-akbar proġett ta’ bini soċjali fl-istorja b’1,700 appartament li l-bini tagħhom jinsab fi stadju avvanzat. Semma’ li l-blokki ta’ bini f’Birkirkara, l-Imsida, iż-Żurrieq u Ħal Kirkop jinsabu fl-istadju finali. Huwa qal li dawn il-proġetti flimkien ma’ miżuri oħra qed jgħinu lin-nies joħorġu mill-faqar.

Il-Ministru Galdes qal li l-lista ta’ stennija li nies għall-akkomodazzjoni soċjali naqas b’aktar minn 700 fuq it-3,000 applikant li kien hemm. Huwa qal illi gvern laburista diġà alloka 1,300 appartament lill-familji fil-bżonn.

Familji jingħataw għajnuna jgħixu f’bini aktar komdu bis-sussidju ta’ aktar minn 400 ewro fix-xahar għall-kera. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali mbagħad qal li l-Gvern qed jaħdem fuq riforma sħiħa f’dan il-qasam u l-liġi se tkun aġġornata biex tagħti wkoll aktar
saħħa lill-Awtorità tad-Djar biex tikkontrolla l-abbużi. Qal li l-problema ewlenija llum f’dan il-qasam hija dik tas-separazzjonijiet. Huwa qal li sar infurzar biex tkeċċew inkwilini li daħlu f’post tal-gvern mingħajr titlu jew li abbużaw billi krew il-post saħanistra lit-turisti. Qal ukoll illi ttieħdu passi kontra nies li taw informazzjoni qarrieqa. Qal ukoll li qed issir ħidma biex il-Gvern jiġbor kirjiet dovuti minn inkwilini f’binjiet tal-gvern li għamlu żmien twil ma jħallsux il-kera.

Huwa qal li kien hemm 130 persuna li bbenefikaw diġà mill-arranġament tal-gvern mal-banek biex jgħinu jħallsu d-depożitu fuq proprjetà li jixtru. Qal ukoll illi diġà saru 70 kuntratt taħt l-equity sharing scheme fejn il-gvern jissieħeb mal-proprjetarji ġodda u jħallsu sa ma jaslu biex jiritraw bil-pensjoni.

Il-Minisitru Galdes tkellem ukoll li għall-ewwel darba qed isir xogħol estensiv ta’ manutensjoni fuq oqsma ta’ bini tal-Gvern fil-pajjiż kollu.

Il-kelliem tal-oppożizzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali Ivan Bartolo qal li għandu jidħol il-kunċett tal-living wage biex tkun attakkata l-problema tal-faqar fil-pajjiż. Huwa qal li 20% tan-nies f’Malta jgħixu fil-faqar jew riskju ta’ faqar.

Is-Sur Bartolo qal li l-gvern u l-oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex tkun solvuta l-problema ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom li jammontaw għal madwar 300 ruħ. Qal li l-Gvern għandu jipprovdi shelters għal dawn in-nies. Żied jgħid li qed jiżdied id-distakk bejn is-sinjur u l-fqir.

Qal li l-prezz tal-bini żdied fl-aħħar snin sewwa tant li nies b’paga baxxa ma jistgħux jixtru proprjetà barra mill-fatt li jiffaċċjaw diffikultà biex jiddejnu mill-banek kummerċjali.

Id-deputat Bartolo qal li l-istrateġija nazzjonali dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali m’għandhiex titfassal għal perjodu ta’ għaxar snin iżda għandha ssir reviżjoni issa minħabba li s-sitwazzjoni nbidlet mill-2014 ‘l hawn. Huwa kkritika l-Gvern għax qal li tliet snin jagħmel l-istess wegħdi dwar bini ta’ seba’ mitt appartament għall-akkomodazzjoni soċjali. Is-Sur Bartolo lmenta wkoll minn kirjiet esaġerati li qed jintalbu l-inkwilini.