It-tenur Malti Joseph Calleja rebbieħ ta’ premju prestiġġjuż tal-opra fid-dinja

It-tenur Malti Joseph Calleja huwa fost ir-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Opera News Awards. Miegħu se jiġu onorati wkoll Elīna Garanča, Waltraud Meier, Anna Netrebko u José van Dam.

Opera News AwardsIs-serata tal-għoti tal-unuri għall-kisbiet ta’ individwi fl-opra, se ssir fl-10 ta’ April 2016 fil-lukanda Plaza f’New York City.

Opera News hija rivista li ilha tiġi ppubblikata minn The Metropolitan Opera Guild mill-1936 u minbarra li tul is-snin rebħet unuri għal eċċellenza fil-ġurnaliżmu fix-xena tal-mużika, għandha l-ogħla ċirkolazzjoni fl-Istati Uniti.

Ir-rivista ddeskriviet lil Calleja bħala wieħed mill-ifjen tenuri fid-dinja li għamel id-debutt professjonali tiegħu meta kellu biss 19-il sena f’Malta bħala Macduff f’Macbeth.

Għat-tieni sena konsekuttiva, iżda għat-tielet darba biss fil-11-il sena li ilhom jingħataw dawn l-unuri, ir-rebbieħa huma kollha kantanti għax f’ħafna snin kienu onorati wkoll surmastrijiet, diretturi jew kompożituri.