Lokali
It-tfal addottati għandhom jieħdu l-kunjom tal-ġenituri naturali jew addottivi?

Bil-liġi bħalissa, it-tfal addottati jieħdu l-kunjom tal-ġenituri addottivi. Qed ikun propost iżda li għandhom ikunu t-tfal addottati, li megħjuna mill-professjonisti, jagħżlu huma l-kunjom li jixtiequ.

“Dan mhux dejjem qed nitkellmu fuq minuri ta’ 4/5 snin imma nistgħu nkunu qed nitkellmu ma’ minuri ta’ 10/11 sena li jkunu diġà integrati fl-iskola ma’ sħabhom u jkunu jafuhom b’dak il-kunjom.”

Din hi waħda mill-proposti li ħarġet mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-addozzjonijiet li tnediet f’Novembru li għadda. Il-Konsulent Legali, Daniela Azzopardi Bonanno, qalet li f’dan il-proċess ħadu sehem fost oħrajn ġenituri addottivi, persuni li għaddejjin mill-proċess tal-addozzjoni u anki foster carers.

Proposta oħra tittratta l-aċċess tat-tfal addottati għall-familja estiża tal-ġenituri bijoloġiċi.

“Il-feedback kien ejja ma niqfux sal-ġenituri bijoloġiċi. Jiġifieri ejja nitkellmu fuq kuntatt kemm mal-ġenituri, mal-aħwa iżda wkoll fuq kuntatt man-nanniet u mal-familja estiża.”

Dr Azzopardi Bonanno qalet li issa jmiss li ssir konsultazzjoni mat-tfal li qegħdin f’kura alternattiva li jammontaw għal madwar 400.

Il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li din il-konsultazzjoni hi maħsuba biex tiffaċilita l-addozzjonijiet lokali. Wera l-fehma li hemm bżonn bidla kulturali biex iktar ġenituri prospettivi jaddottaw tfal mill-pajjiż stess. Il-Ministru Falzon qal li se jitressqu emendi fil-liġi biex tfal addottati jkollhom kuntatt mal-familji bijoloġiċi.