Storja
“It-tfal bil-ġuħ, nannu agħtini biċċa ħobż!” – Kif il-Konvoj ta’ Novembru 1942 kien aktar importanti minn ta’ Santa Marija

Kulħadd f’żaqqu l-ewwel ma jaħseb. Fit-Tieni Gwerra, xejn anqas. Fl-1939, il-gazzetti u l-Gvern Kolonjali taw l-impressjoni li kien hemm biżżejjed ikel maħżun għal bosta xhur f’każ ta’ gwerra. Ir-realtà, iżda, kienet xort’oħra. Hekk kif il-qilla tal-gwerra bdiet tagħmel tagħha, bosta Maltin batew il-ġuħ. It-tfal qajla kellhom biex jitrejqu.

Waqt id-dokumentarju ‘Malta fil-Gwerra’ l-ġurnalist ta’ TVM Mario Xuereb u r-riċerkatur Martin Debattista bis-sehem ta’ Dr Noel Buttigieg, lettur fl-Università ta’ Malta, jispjegaw li b’xi mod matul l-1940 il-Maltin kampaw. F’April tal-1941, iżda, wara l-blitz fuq l-Illustrious u l-ħerba li seħħet fil-Port il-Kbir iċ-ċintorin beda jingħafas u l-Gvern kellu jieħu azzjoni.

Fost l-oħrajn, f’Diċembru tal-1941 il-Gvern ippubblika liġi li tiddetta kemm kellu jikkonsma ikel il-Malti u twaqqaf uffiċju ċċentralizzat għad-distribuzzjoni tal-ikel. Il-proviżjon kien jitqassam darbtejn fix-xahar.

Is-sitwazzjoni tal-ikel marret għall-agħar fil-bidu tal-1942 meta l-Ġermaniżi taw is-salt fuq Malta. Il-morsa għafset. Il-konvojs ma baqgħux jaslu bħal qabel. F’Jannar twaqqfu l-Victory Kitchens bit-tama li jonqos il-bżonn tal-pitrolju għat-tisjir fid-djar u li l-ħażniet tal-ikel iservu aktar bl-inqas ħela possibbli.

Fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Awwissu r-razzjon kompla jonqos. 300g ħobż kuljum, nofs artal zokkor, 200g xaħam jew butir, 50g te, 100g ross, landa corned beef u żewġ laned żgħar bil-ħut. Xejn sapun tal-ħasil, lanqas ġobon. Kien proprju f’nofs ix-xahar li l-konvoj tant mistenni daħal izappap. Konvoj, li jibqa’ mfakkar talli salva ‘l Malta.

Minkejja dan, wara dak ta’ Santa Marija kien jeħtieġ li jidħol konvoj ieħor imdaqqas bl-ikel u l-provvisti biex il-Maltin setgħu jserrħu rashom li ma kinux sa jmutu bil-ġuħ. Kien il-konvoj ta’ Novembru li ‘l Malta taha n-nifs, żammha ħajja u taha ċ-ċans li tkompli tiġġieled fuq stonku mimli.

Aħbarijiet Oħra
Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Barranin

Persuni li kienu qed isuqu minn ġo triq li taqsam foresta f’Bacau, fir-Rumanija, lemħu ors fil-ġenb tat-triq. Mara li kienet passiġġiera f’waħda mill-karozzi ddeċidiet li tinżel mill-vettura u tersaq qrib…

Attività

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jkun qed itella’ lejla Mużiko-Letterarja bil-għan li jiċċelebra Jum l-Eroj Żwieten għada fit-8pm fi ħdan Ġnien l-Għannejja Żwieten magħruf bħala Ta’ San Girgor, iż-Żejtun. Serata, li…

Aktar