It-Tfal jistaqsu numru ta’ mistoqsijiet lill-President ta’ Malta

F’Nhar il-Milied ‘Popolin’ xandar programm speċjali, hekk kif il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza tiegħu George Vella kien mistieden fuq il-programm biex iwieġeb għad-domandi li għamlulu sitt itfal ċkejknin.

Il-President tkellem fuq xi jfisser il-milied għalih u qal li dawn iż-żminijiet iġibu magħhom ċertu sens ta’ ferħ. Għall-familja tiegħu il-valur tal-għaqda huwa fundamentali; “nemmen li l-familja hija n-nukleu tas-soċjetà”. Qal li bħala familja jagħmlu minn kollox biex iżommu l-għaqda u r-relazzjoni tajba li hemm bejnithom.

It-tfal staqsew mistoqsijiet varji; fosthom kif tħossok meta tkun President, għal dan l-Eċċellenza tiegħu wieġeb billi spjega li fil-verità ma tħoss xejn speċjali biss huwa rwol li jġib miegħu diversi obbligi u responsabilitajiet bħal kull xogħol ieħor. Fuq nota ftit iktar personali l-President ġie mistoqsi liema hu l-ikel favorit tiegħu li bl-iktar mod onest qal li mhuwiex diffiċli fl-ikel, iħobb jiekol kollox u lill-mara qatt ma taha problemi fuq hekk. Qalilna li fil-bidu taż-żwieġ tagħhom, il-mara ma kienitx taf issajjar, biss illum il-ġurnata saret koka prima. Spikkat l-onesta tal-President meta ammetta magħna li ma għandux idea kif issajjar, jaf biss kif jgħalli jew jaqli żewġ bajdiet. Tenna li li kieku ma sarx president, probabbli kien jinfexx fit-tisjir, biss sa llum il-ġurnata qatt ma pprova jitgħallem.

Waqt il-programm qam ukoll is-suġġett tal-vaċċin, mistoqsi mill-preżentatur x’jaħseb fuq il-perċezzjoni ta’ biżà li qed iħossu ċertu nies, il-President tenna li l-biżà ġejja minn propoganda ħażina; “il-mument li joffruhieli se noħodha bla dubju ta’ xejn”.

Popolin