It-Tfal u żewġha jabbużaw minnha

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġiet evalwata l-vjolenza domestika f’pajjiżna.
Tkellmet Yvonne Fiorini, social worker. Din spjegat li l-profil tal-vittmi jvarja bejn nisa u rġiel ta’ etajiet differenti. “Meta l-vittma tkun avvanzata fl-età, rridu nżommu f’moħħna li l-abbuż jista’ jsir mhux biss mill-partner imma wkoll mit-tfal”. Fiorini spjegat li ltaqet ma diversi każijiet fejn rat din it-tip ta’ varjazzjoni fl-abbuż fejn it-tfal flimkien mal-partner jattakkaw il-vittma.

Mistoqsija mill-preżentatur Quinton Scerri, x’tista’ tkun ir-raġuni għaliex individwu jattakka lil ommu li rabbietu u għenitu jikber; Remenda Grech, Direttur għal Fondazzjoni għas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali spjegat li meta persuna tkun imrobbija f’ambjent abbużiv, ser titgħallem li l-abbuż u l-vjolenza huma l-mod ta’ kif wieħed għandu jwassal il-messaġġ tiegħu. Għalhekk, l-għarfien u l-edukazzjoni huma fundamentali għaliex permezz tat-tagħlim ta’ social skills fl-iskejjel, it-tfal jitgħallmu x’inhu aġir tajjeb u x’inhu ħażin.