Kostruzzjoni
It-tħaffir m’għandux isir żbrixx mal-ħitan tal-ġirien – rapport

Sena wara t-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace, li mietet mirduma f’darha waqt xogħol ta’ kostruzzjoni biswit ir-residenza tagħha, mir-rapport tal-kumitat tekniku maħtur mill-Gvern jirriżulta li ċertu tip ta’ tagħmir fosthom il-musmar m’għandux jibqa’ jintuża mill-kuntratturi biex jitħarsu l-interessi tal-ġirien.

F’kummenti ma’ Television Malta perit indipendenti qal li r-rapport jgħid li l-iżviluppatur m’għandux iqatta’ dritt mal-appoġġ biex jiġu evitati ċerti problemi fil-bini, filwaqt li qal għandha tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li wara li jinbena xi bini, jinħareġ ċertifikat jew permess li l-binja tkun saret skont il-kodiċi tal-kostruzzjoni.

Ir-rapport tal-kumitat tekniku dwar l-industrija tal-bini qal li tagħmir li jintuża għat-tħaffir, magħruf bħala l-musmar, m’għandux jibqa’ jintuża fis-siti kollha tal-kostruzzjoni iżda għandu jintuża biss f’siti partikolari. Fir-rapport ta’ 36 paġna li tħejja minn erba’ esperti maħtura mill-Prim Ministru ntqal li għandhom jiġu definiti ċerti żoni fejn ma jistax jintuża ċertu makkinarju bl-għan li jitħarsu l-interessi tal-ġirien.

Il-kumitat argumenta li fl-aħħar snin xi kuntratturi bdew jaqtgħu dritt mal-appoġġi tal-ġirien bil-musmar – mingħajr ma jħallu l-ispazju ta’ iktar minn żewġ piedi u nofs kif mitlub bil-liġi, bejn l-appoġġi u ż-żona fejn isir l-iskavar. Ir-rapport qal li dan il-metodu qed jilgħab b’ħajjet in-nies. Ir-rapport irrimarka li l-kuntrattur obbligat ukoll, li bi spejjeż tiegħu, jinvesti fi lqugħ taħt l-appoġġi għal iktar sigurtà.

F’kummenti ma’ TVM Samuel Formosa, li huwa perit indipendenti, qal li r-rapport jgħid li l-iżviluppatur m’għandux iqatta’ dritt mal-appoġġ biex jiġu evitati ċerti problemi fil-bini.

“Dan joħroġ ċertu periklu fil-fatt u qed jiġi suġġerit li jibda jintuża iktar makkinarju modern li forsi jista’ jagħmel inqas ħsara f’ċerti każi. Qed isemmi wkoll li jista’ jkun hemm xi restrizzjonijiet fl-użu tal-musmar f’ċerti siti skont ovvjament it-terran u l-kobor u l-configuration ta’ kull sit.”

Il-kumitat li ħadem fuq ir-rapport tekniku qal li l-Awtorità għall-Kostruzzjoni u Bini għandha tkun distinta mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’din l-Awtorità l-ġdida, li għadha kif se titwaqqaf dalwaqt b’liġi mill-Parlament, se jkunu inkorporati fiha l-Uffiċċju tar-Regoli tal-Bini, il-Bord tal-Bennejja u l-Bord għar-Regoli tal-Bini, b’dan tal-aħħar se jinbidel fi tribunal li jkollu s-setgħa fost oħrajn li jisma’ l-appelli dwar deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità.

Ġie suġġerit li jkun hemm building permit jew compliance certificate tal-bini. Din ovvjament qed tiġi kkunsidrata li inti meta tibni bini l-ewwel trid tapplika mal-PA – kif dejjem kien isir qabel – u qabel u wara li jinbena l-bini jsir xi building permit jew inkella xi forma ta’ compliance certificate li l-bini tela’ skont l-istandards u l-kodiċi tal-kostruzzjoni.

Fir-rapport, il-kumitat qal li l-kuntratturi għandhom ikunu rregolati permezz ta’ reġistru li fih ikunu elenkati fost oħrajn il-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom speċjalment dawk li jispeċjalizzaw fit-tħaffir. Dwar is-sehem tal-periti fi proġetti tal-kostruzzjoni, il-kumitat iħoss li dawn m’għandux ikollhom sehem fi proġetti b’xi interessi finanzjarji jew spekulattivi.