Unjoni Ewropea
It-tibdil propost fil-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili jrid ikun iktar ċar – Leo Brincat

Il-bidliet proposti għall-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni ċivili għandhom jiġu ffinalizzati b’attenzjoni. Din kienet il-konklużjoni ta’ opinjoni ppubblikata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Leo Brincat, il-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien responsabbli minn dan ir-rapport u qal li l-proposta riċenti dwar it-tibdil fil-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili teħtieġ tkun iktar ċara. Huwa qal li filwaqt li huwa essenzjali li jitħaffef il-pass tar-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-kriżijiet, daqstant huma importanti l-prinċipji ta’ kif jitħaddmu tajjeb il-flus u li jingħata r-rendikont meħtieġ.

Din l-opinjoni ngħatat fid-dawl tad-diskussjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea għall-mod kif irreaġixxiet b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19.

Is-Sur Brincat qal li fihom infushom il-kriżijiet huma imprevedibbli, imma l-pandemija kienet indikazzjoni qawwija tal-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun imħejjija aħjar u kapaċi tirreaġixxi b’ħeffa.

Fil-konklużjoni tal-opinjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qalet li jibqa’ ta’ importanza assoluta li l-Kummissjoni Ewropea ma tħallatx l-effiċjenza mal-għaġla.