Barranin
It-tifel li baqa’ ħaj wara li waqa’ bil-cable car tilef il-ġenituri u lil ħuh

Għadu f’qagħda gravi, it-tifel ta’ 5 snin, l-uniku wieħed li salva fid-diżgrazzja li ħasdet il-ħajja ta’ erbatax-il ruħ wara li cable car waqgħet qrib ix-xmara Maggiore fit-Tramuntana tal-Italja.

It-tifel jinsab rikoverat fl-isptar tat-tfal f’Regina Margherita f’Turin, wara li lbieraħ filgħaxija sarlu intervent kirurġiku bil-kundizzjoni tibqa’ gravi. Fil-mument it-tifel li spiċċa ltiem jinsab imqabbad mal-magni tan-nifs u bil-lopju.

L-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA qed tirrapporta li lbieraħ filgħaxija waslet l-isptar iz-zija tat-tifel, Aya Biran, oħt il-missier li fl-inċident tilef ħajtu flimkien ma’ martu u binhom l-ieħor ta’ sentejn. Il-familja, ta’ nisel Iżraeljan kienet tgħix l-Italja.

Hija qalet li saret taf bid-diżgrazzja b’messaġġi li waslulha fuq Whatsapp. Qalet li bdew jaslulha ħafna messaġġi ta’ kondoljanzi iżda ma bdietx tifhem għaliex.

Biyan li hija tabiba f’ħabs f’Italja qalet li l-kundizzjoni tat-tifel għadha waħda kritika. Qalet li n-neputi tagħha, li tilef lil ommu, lil missieru u lil ħuh, ġarrab ġrieħi f’rasu u għalhekk iridu jaraw kif se tevolvi l-qagħda ta’ saħħtu.

Hija qalet li wara li bdiet tirċievi l-messaġġi, bdiet iċċempel lil ħuha, u lil mara ta’ ħuha iżda ħadd minnhom ma beda jweġibha. Qalet li sagħtejn wara kellha l-konferma mill-pulizija u fehmet li n-neputi tagħha kien għadu ħaj għax ismu ma kienx mal-lista tal-vittmi.

“Tlift lil ħija, lil mara ta’ ħija u lin-neputi l-ieħor u magħhom mietu wkoll in-nanniet tal-mara ta’ ħija”, qalet it-tabiba.

Hija qalet li n-nanniet siefru lejn l-Italja wara li ħadu l-vaċċin fl-Iżrael għax riedu jqattgħu ftit ħin man-neputijiet li kienu ilhom ma jaraw fuq sena minħabba l-pandemija.