Barranin
It-tifel li waqa’ bil-cable car fl-Italja baqa’ ħaj wara li missieru ħaddnu miegħu

Jeżisti ottimiżmu kawt għat-tifel ta’ 5 snin, l-uniku wieħed li baqa’ ħaj fid-diżgrazzja li seħħet il-Ħadd li għadda wara li cable car waqgħet bih u erbatax oħra qrib ix-xmara Maggiore fit-Tramuntana tal-Italja.

It-tifel li jinsab rikoverat fl-isptar tat-tfal Regina Margherita f’Turin għadu f’qagħda gravi ħafna iżda minn testijiet ulterjuri li sarulu fl-aħħar sigħat jidher li ma ġarrabx ġrieħi f’moħħu.

L-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA rrapportat li dawn ir-riżultati qed jagħtu tama lit-tobba li t-tifel jista’ joħroġ minn dan is-saram.

Fid-diżgrazzja miet missieru Amit Biran ta’ 30 sena, student tal-mediċina, ommu Tal Peleg ta’ 27 sena u ħuh iż-żgħir Tom ta’ sentejn. Flimkien magħhom mietu wkoll il-bużnanniet tat-tifel, Barbara Cohen Konisky u Itshak Cohen. Huma waslu l-Italja minn Iżrael biex jgħaddu btala qasira flimkien mal-għeżież tagħhom.

Il-missier kien deskritt bħala raġel ġeneruż li ma kienx jaf jgħid le u dejjem b’daħqa fuq wiċċu.

Hu mifhum li t-tifel ma ġarrabx ġrieħi f’wiċċu u daqstant serji f’rasu bis-saħħa ta’ azzjoni immedjata li ħa missieru biex jipproteġih meta jidher li ħaddnu miegħu biex jevitalu d-daqqa.

Intant fl-aħħar sigħat issoktaw l-investigazzjonijiet tal-pulizija Taljana u tal-maġitrati dwar din it-traġedja. Jidher li l-cable car inqatgħet minħabba cable maqtugħ u ħsara fis-sistema tal-brejkijiet.

L-għada ta’ din id-diżgrazzja li qerdet il-ħajja ta’ ħames familji, il-Pulizija Taljana mistennija tixli diversi persuni responsabbli mis-sistema tal-cable car bl-omiċidju ta’ diversi persuni.