COVID-19
It-tilqima f’Malta se tibqa’ tingħata lil persuni t’ inqas minn 70 sena

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini qal ma’ TVM li t-tilqima ta’ AstraZeneca se tibqa’ tingħata kif kien qed isir f’Malta lill-persuni li għandhom inqas minn 70 sena.

Il-Professur Anthony Serracino Inglott qal li l-każi ta’ demm magħqud jew blood clots huma rari meta mqabbel mal-miljuni ta’ dożi li ngħataw, bl-awtoritajiet tas-saħħa Maltin s’issa qalu li f’pajjiżna ma rriżulta ebda każ ta’ din ix-xorta.

L-Awtorità Maltija tal-Mediċini kkonfermat ma’ Television Malta li se tibqa’ tamministra t-tilqima Anglo-Żvediża AstraZeneca kif kien ippjanat jiġifieri lill-Maltin u Għawdxin li għandhom taħt is-70 sena. Il-Professur Serracino Inglott qal li din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet fuq livell Ewropej fosthom mal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA.

Il-Professur Serracino Inglott stqarr li l-vaċċin jibqa’ l-akbar arma li għandu l-pajjiż biex jiġġieled il-covid. “Ilbieraħ ittieħdet id-deċiżjoni l-vaċċin tal-AstraZeneca hija ta’ valur u hija vantaġġ li wieħed jibqa’ jieħu l-vaċċin tal-AstraZeneca, fi kwalunkwe każ jegħleb bil-bosta kwanulkwe żvantaġġ li hemm meta wieħed ma jiħux vaċċin.”

Dwar rapporti ta’ demm magħqud mit-tilqima tal-AstraZeneca, il-Professur qal li l-każi huma rari meta mqabbel mal-miljuni ta’ dożi li ngħataw. Fil-fatt, skont ċifri Ewropej,minn 25 miljun persuna li ngħataw t-tilqima Anglo-Żvediża, ġew irrapportati 62 każ ta’ blood clots fis-sinus u 24 fiż-żaqq.

“Veru li l-effetti huma differenti, imma tant huma żgħar, tant huma li diffiċli biex tattribiwhom, għalhekk is-sitwazzjoni hija fluwida ħafna. Żgur li l-istess se jingħad għall-vaċċin li magħmul bl-istess metodu tal-Johnson and Johnson… però ma neskludux.”

Fi stqarrija mill-Awtorità Maltija tal-Mediċini ntqal li effetti sekondarji ħfief huma komuni, li jistgħu jiġru fi żmien jumejn jew tlett ijiem wara t-teħid tat-tilqima. L-awtorità qalet li min iħoss xi sintomi severi, għalkemm rari, minn erbgħa sa għoxrin jum wara t-tilqima, għandu jfittex attenzjoni medika.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea l-EMA rrakkomandat li l-blood clots għandhom jitniżżlu bħala effetti rari ħafna tat-tilqima, bid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ilbieraħ qal li f’Malta ma ġie rrapportatat ebda każ ta’ demm magħqud.

Ara wkoll:

Ara meta għandek tkellem tabib wara t-tilqima ta’ AstraZeneca