Lokali
“It-tilqima tal-Covid hija sigura – laqqmu lit-tfal” – pedjatra

Minkejja li x-xjenza ppruvat l-effettività tat-tilqima kontra l-Covid-19 għadu jeżisti ftit xettiċiżmu mhux ħażin dwar l-għoti tat-tilqima, speċjalment lilll-adoloxxenti. Min jibżà li l-vaċċin jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-fertilità u min jibżà minn konsegwenzi xort’oħra.

Imma l-pedjatra, it-tabib tat-tfal, lil uliedu jagħtihielhom it-tilqima kontra l-Covid-19?

Meta ġie biex jiddeċiedi jekk jagħtix it-tilqima kontra l-Covid-19 lil ibnu adoloxxenti, il-pedjatra Dr Joseph Mizzi ivverifika l-affarijiet u ma ħasibihiex darbtejn.

“Iva, it-tilqima hija tajba, hija effettiva, hija safe…tajjeb li t-tifel nifrankalu l-marda jekk nista’ plus il-konsegwenzi l-oħra. Dawn jistgħu issa jmorru fil-klassi tal-iskola…inqas tħarbit fl-iskeda tagħhom.”

L-ewwel tilqima kontra l-Covid-19 rċeviet l-approvazzjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini f’Mejju li għadda. Lil-adoloxxenti f’Malta, ilha tingħatalhom sa mill-bidu ta’ Lulju.

“Għalkemm ġeneralment mhix marda serja ħafna ġieli tkun u għalhekk jekk hemm tilqima li nistgħu nagħtuhielhom u nifrankawielhom hija oġġett tajjeb li nagħmlu.”

Fuq tfal iżgħar l-istudji għadhom għaddejjin u Dr Mizzi jistqarr li ma jistax jgħid x’se jkun ir-riżultat tagħhom; iżda l-istudju fuq l-adoloxxenti minn 12 sa 16-il sena saru u saru kif suppost u sal-lum it-tilqima ngħatat lil miljuni ta’ tfal fid-dinja kollha. Qal, li għalhekk għandna idea tajba ħafna ta’ x’inhuma s-side effects u l-konsegwenzi ta’ din it-tilqima.

“Lokalment jista’ jkollok ftit uġigħ, nefħa jew ħmura, imbagħad jista’ jkollok ftit għejja, deni u uġigħ fl-għadam ‘l hawn u ‘l hemm. Imma fi żmien jumejn kollox ikun għadda.”

It-tilqima, jgħid Dr Mizzi, hija sigura.

“Ħafna nies qed jibżgħu li tagħmel effett fuq il-fertilità. M’hemm l-ebda evidenza li dan huwa l-każ. Dawn huma biss qlajjiet.”

Dr Mizzi qal li ladarba jitlaqqma bid-dożi kif suppost, l-adoloxxenti jistgħu jgħixu bi ftit aktar libertà għax it-tilqima tnaqqsilhom ir-riskju li jimirdu huma u li jinfettaw lil ħaddieħor.