Saħħa
It-tilqima tal-influwenza tasal Malta biex titqassam b’xejn mill-11 ta’ Ottubru

L-ordni li għamel il-Ministeru tas-Saħħa ta’ tilqim tal-influwenza tinsab kollha hawnhekk. Fl-aħħar tliet ijiem ajruplani tal-Air Malta wasslu tliet konsenji b’piż ta’ sitt tunellati bejniethom. Din is-sena t-tobba qed jisħqu aktar mis-soltu fuq l-importanza li tittieħed din it-tilqima.

Ajruplan tal-linja nazzjonali tal-ajru li wasal Malta ftit wara s-1 pm. ġab l-aħħar kunsinna tat-tilqim tal-influwenza. L-ajruplan wassal it-tielet konsenja ta’ tilqim tal-influwenza minn Pariġi. Din il-konsenja fiha madwar 800kg ta’ tilqim tal-influwenza.

Minnufih, beda l-ħatt tal-merkanzija li ttieħdet fl-imħażen tad-Dipartiment tas-Saħħa biex mill-11 ta’ Ottubru tibda tingħata lill-pubbliku mingħajr ħlas. Iċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion, qal li b’kollox l-ajruplani tal-kumpanija ġabu Malta tliet kunsinni tat-tilqim tal-influwenza li bejniethom jiżnu mas-6,000 kilogramma.

In-Nutar Mangion qal li dan jikkonferma l-impenn tal-kumpanija lejn il-Maltin, minkejja li l-pandemija ġabet l-industrija tal-avjazzjoni għarkupptejha.

“Inkomplu naħdmu bis-sħiħ ħalli l-kumpanija nazzjonali tal-ajru tkompli timxi ‘l quddiem, tirbaħ din l-isfida li għandha tal-Covid-19 u fis-snin li ġejjin tkun qed tiżviluppa kummerċjalment b’mod vijabbli ħalli tkompli tkabbar il-konnettività, taqdi l-pajjiż u tkompli tkun ta’ sostenn ekonomiku għal Malta,” qal iċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion.

It-Tabib Jan Chircop irrakkomanda t-teħid tat-tilqima u tkellem dwar il-possibbiltà li n-nies ilaqqtu l-influwenza staġjonali u l-imxija tal-Covid-19.

“Jekk tlaqqat it-tnejn li huma f’daqqa fl-istess ħin iċ-ċansijiet huma li jkollok kumplikazzjonijiet ikbar. It-tieni huma viruses imma viruses differenti. Allura jekk jaqbdek wieħed ma jfissirx li jeskludi l-ieħor,” qal it-tabib tal-familja Jan Chircop.

Dr Chircop saħaq dwar l-importanza li n-nies ma jittraskurawx saħħithom u jitlaqqmu għall-influwenza speċjalment dawk li għandhom iktar minn 55 sena u min ibati b’mard kroniku.