COVID-19
It-tilqima tal-Moderna tista’ tinħażen f’temperatura li tixbaħ il-friża tad-djar

Inqas minn ġimgħa mindu ġiet approvata mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina, waslet Malta f’nofsillejl l-ewwel kunsinna tat-tilqima tal-kumpanija Amerikana Moderna.

F’kummenti lil Television Malta, il-virologu Chris Barbara qal li l-effettività tat-tilqima tal-Moderna hi l-istess bħal tal-Pfizer, iżda tista’ tinħażen f’temperatura li tixbah friża li nsibu fid-djar.

Ftit wara nofsillejl waslet f’Malta l-ewwel kunsinna tat-tilqima tal-kumpanija Amerikana Moderna wara li l-ġimgħa l-oħra ġiet approvata mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini. It-tilqima waslet b’titjira tal-Air Malta minn Brussell. L-Air Malta qalet li aktar kunsinni bit-tilqima tal-Moderna mistennija jaslu fil-ġimgħat li ġejjin.

Ma’ Television Malta, il-Virologu Chris Barbara qal li t-tilqima tal-Moderna, bħal tal-Pfizer, se tingħata f’żewġ dożi. Dr Barbara spjega iżda li t-tieni doża tat-tilqima tal-Moderna se tingħata wara 4 ġimgħat u mhux wara 3 ġimgħat, kif qed tingħata tal-Pfizer. Spjega li l-mekkaniżmu tat-tilqima tal-Moderna u tal-Pfizer jaħdmu bl-istess mod.

Il-mekkaniżmu ta’ kif taħdem hi identika jiġifieri dak il-messaġġier – Messenger RNA – li se tidħol fiċ-ċellola u se ġġiegħel iċ-ċelloli tagħna dik ix-xewka, dik l-ispike, biex aħna niffurmaw l-antibodies biex jipproteġuna jiġifieri meta aħna xi darba niltaqgħu mal-virus, l-antibodies tagħna stess jiġġieldu kontra l-virus u jipproteġuna u ma taqbadniex l-infezzjoni.

It-tilqima tal-Moderna għandha effettività ta’ 94% kontra l-virus u ġiet żviluppata f’inqas minn sena mindu faqqgħet il-pandemija. Dr Barbara qal li t-tilqima tal-Moderna tista’ tinħażen b’mod iktar faċli minn dik tal-Pfizer.

”Qisek għandek friża tad-dar jiġifieri 20 grad taħt iż-żero li tagħmlilna l-faċilitajiet iktar sempliċi.”

It-tilqima tal-Moderna se titqassam fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fi stqarrija, Moderna qalet li din hi l-ewwel darba li qed tissupplixxi mediċina lill-Ewropa. Il-kumpanija qalet li din is-sena se jitqassmu 160 miljun doża madwar l-Unjoni Ewropea li minnhom skont id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, Malta għandha ordnati madwar 100,000 doża.

Bħalissa qed jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa fl-isptarijiet, l-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali u l-ħaddiema li jaħdmu f’dawn id-djar. Anzjani li għandhom iktar minn 85 sena u jgħixu fi djarhom bdew jirċievu ittra b’appuntament biex jieħdu t-tilqima tal-Covid-19.