Politika
Il-Gvern se jibqa’ jinvesti fin-nies u jirriforma l-pajjiż – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fin-nies, waqt li assigura li se jibqa’ jirriforma l-pajjiż.

Dr Abela qal li għall-ewwel darba f’sena ta’ pandemija, in-nefqa soċjali kienet tammonta għal biljun ewro. u qal li din kienet l-ikbar li qatt saret s’issa.

Sostna li meta mqabbel mal-2012 fi żmien Gvern Nazzjonalista meta ma kienx hawn pandemija, in-nefqa soċjali kienet in-nofs ta’ dak li qed jintefaq illum mill-Gvern.

Dr Abela saħaq li l-vaċċin u ċ-ċertifikat tat-tilqima huma l-imfietaħ għan-normalità. Dr Abela wera ruħu sodisfat li fil-fora Ewropej Malta qed tkun imfaħħra għall-fatt li rnexxilha tilħaq l-immunità tal-massa.

Intervistat fuq ONE TV, Dr Abela qal li dan kien possibli sforz l-għaqal u d-deċiżjonijiet li ttieħdu f’waqthom mill-Gvern.

Semma ċ-ċertifikat tat-tilqima u fakkar li Malta ilha xhur tisħaq għal dan l-approċċ koordinat biex l-industirja turistika tingħata ftit nifs. Il-Prim Ministru semma li dan iċ-ċertifikat se jkun qed jintuża biex persuni mlaqqma jattendu attivitajiet meqjusa ta’ riskju għoli mill-awtoritajiet tas-saħħa. F’dan l-isfond saħaq li Malta f’kull stadju tal-pandemija dejjem kienet fuq quddiem nett.

48 siegħa ‘l bogħod mill-ġurnata li pajjiżna se jiftaħ għat-turiżmu, Dr Abela esprima l-ottimiżmu tiegħu għall-pjan kawt biex din l-industrija tirpilja. Semma kif l-awtoritajiet tas-saħħa implimentaw sistema ta’ moniteraġġ rigoruża. Bil-kontrolli l-ġodda, Dr Abela semma kif persuna trid tippreżenta ċ-ċertifikat tat-tilqima jew test negattiv qabel issiefer.

Semma l-indikaturi ekonomiċi li qal jimlewh b’kuraġġ. Il-Prim Ministru sostna li l-aħħar figuri juri li l-qgħad jinsab fl-istess livell tal-2019 waqt li huwa terz ta’ dak li kien fl-2012. Dr Abela qal li dan huwa l-frott tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-eqqel tal-pandemija, bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Silet waħda mill-miżuri; dik tal-eżenżjoni fuq it-taxxa tal-bejgħ tal-proprjetà, li qal pattiet għall-biża’ li s-suq kien qed jaffaċċja, tant li xahar wara l-ieħor qed jitnaqqax rekord ġdid ta’ konvenji ffirmati.

Dwar ir-rapport tal-MoneyVal, Dr Abela qal li l-Gvern ħaddem bis-sħiħ biex isiru r-riformi istutizzjonali bla preċedent. Żied, li minkejja dan l-impenn ma naqasx milli jwieżen lill-familji u l-batut b’baġit ta’ €6 miljun.

Il-Prim Ministru rrimarka li l-Gvern ġab stabbiltà meta raħsu l-kontijiet tal-enerġija, tant li qal il-poplu Malti s’issa ħa nofs biljun ewro f’roħs fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma. Semma l-ftehim riċenti bejn il-Gvern u madwar 20,000 familja dwar estensjoni tal-feed-in tariff u wiegħed aktar riformi fis-settur biex isewwi d-deċiżjonijiet żbaljati li saru minn Gvern Nazzjonalista.