Ekonomija u Finanzi
It-tkabbir ekonomiku f’Malta se jnaqqas ir-ritmu iżda jibqa’ l-ikbar wieħed – Il-KE

Wara t-tbassir tal-aġenzija Moody’s, anke l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li l-ekonomija Maltija mhix ser tibqa għaddejja bir-ritmu ta’ tkabbir li kellha fl-aħħar snin, ghalkemm xorta f’livell ogħla mill-medja tal-pajjiżi Ewropej. Il-Kummissjoni ħarġet it-tbassir tax-xitwa għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li fiha qalet li mistenni jissokta b’ritmu moderat it-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi membri tal-blokk Ewropew.

L-aħħar stimi ekonomiċi maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea juru li wara li Malta fl-2018 kellha tkabbir ta’ 7 fil-mija fil-Prodott Domestiku Gross, dan naqas għal 4.5 fil-mija s-sena l-oħra u qed tbassir li din is-sena jonqos għal erba’ fil-mija u għal 3.7 fil-mija is-sena d-dieħla. L-ekonomisti qalu li dan it-tkabbir xorta huwa f’livell ogħla mill-medja tat-tkabbir fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija stmata li din is-sena tkun ta’ 1.4 fil-mija.

Il-kummissjoni qed tbassar li r-rata tat-tkabbir ta’3.7 fil-mija tal-ekonomija Maltija tkun l-akbar waħda fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rapport dwar Malta, l-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea nnutaw li l-konsum privat immodera għalkemm il-konsum domestiku mgħejjun biż-żieda fin-nies li jaħdmu qed ikompli jsostni t-tkabbir ekonomiku. Żiedu josservaw li l-investiment privat u pubbliku għadu qawwi ghalkemm innutaw li mill-ħarifa li għaddiet, l-indikaturi tal-fiduċja fis-settur tal-kostruzzjoni u tas-servizzi battew xi ftit. L-ekonomisti Ewropej qalu li jistennew li l-konsum domestiku jibqa’ jonqos għax ikun qed jirrifletti r-rata li bih l-ekonomija tkun qed iżżid l-impjiegi.

Waqt li ppreżenta t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għall-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea, il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis stqarr li l-indikaturi juru li l-ekonomija tal-pajjiżi membri ser tkompli tikber b’pass moderat, bir-rata medja ta’ tkabbir stmata li din is-sena tkun ta’ 1.4 fil-mija, ħarir inqas mis-sena li għaddiet. Huwa ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej biex jieħdu din l-opportunità biex jagħmlu r-riformi strutturali.

“Despite a challenging environment, the European economy remains on a steady path, with continued job creation and wage growth. But we should be mindful of potential risks on the horizon: a more volatile geopolitical landscape coupled with trade uncertainties. So Member States should use this weather window to pursue structural reforms to boost growth and productivity. Countries with high public debt should also shore up their defences by pursuing prudent fiscal policies,” qal Valdis Dombrovskis.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi Paolo Gentiloni qal li għalkemm l-isfidi tal-Brexit u l-imxija tal-coronavirus joffri sfidi ġodda għall-ekonomija, wera sodisfazzjon li l-Unjoni Ewropea qed tgawdi l-itwal perjodu tat-tkabbir ekonomiku mindu bdiet tintuża l-Ewro fl-1999.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li hemm bżonn pakkett finanzjarju ieħor mill-Gvern biex itaffi d-daqqa li l-pandemija qed tikkawża lill-ekonomija. Il-Kamra ppreżentat il-proposti aġġornati tagħha lill-Gvern u sejħet għall-għajnuna addizzjonali li stmat…

COVID-19

It-terremot ekonomiku li ġabet il-pandemija jista’ jirvina bosta negozji. Madankollu l-istint imprenditorjali li wieħed jadatta għar-realtajiet ġodda jispikkaw f’dawk li ħabblu moħħhom u ħadu inizjattivi biex jibqgħu jdawru r-rota. Fost…

Lokali

Il-Kamra tal-Kummeċ sejħet biex tingħata spjegazzjoni dettaljata u trasparenti dwar il-kuntratt li sar ħames snin ilu minn Project Malta biex l-Istitut tal-Istudji Turistiċi jgħaddi f’idejn il-grupp DB għal proġett turistiku,…

COVID-19

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali qed jaħdem ma’ bosta intrapriżi biex fejn huwa possibbli jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-kumpaniji li l-operat tagħha ġie affettwat mill-kriżi tal-pandemija. Id-Direttur Ġenerali Diane Vella, qalet li…

Aktar