Lokali
It-tliet akkużati bil-qtil ta’ DCG ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest

It-tliet suspettati li qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.  B’hekk il-Qorti rrifjutat li tilqa’ t-talba li saret u se jibqgħu jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit waslet għal din id-deċiżjoni fid-dawl tal-gravità tar-reat li qed jiġu akkużati li wettqu u minħabba biża’ li jistgħu jaħarbu jew iwettqu reat ieħor.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-avukati tal-aħwa George u Alfred Degiorio u Vince Muscat talbu għall-ħelsien mill-arrest, bis-sottomissjonijiet instemgħu mill-Maġistrat iktar kmieni din il-ġimgħa.

It-tliet akkużati ilhom arrestati mindu seħħ ir-rejd fil-Marsa fl-4 ta’ Diċembru li għadda, operazzjoni li fiha ġew arrestati wkoll 7 persuni oħra li ngħataw police bail.

L-aħwa Degiorgio u Muscat wieġbu li mhumiex ħatja li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bi splużjoni ta’ karozza bomba, bil-prosekuzzjoni kienet oġġezzjonat bil-qawwa kontra t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.

Il-kumpilazzjoni fil-konfront tat-tliet irġiel għadha għaddejja, filwaqt li lbieraħ sar l-aċċess fil-Bidnija fuq ix-xena tar-reat, fil-preżenza tal-akkużati, l-avukati tagħhom u l-Maġistrat.

Ara wkoll:

It-tliet akkużati bil-qtil ta’ DCG lura fil-Bidnija għall-aċċess