COVID-19
It-tmexxija ta’ Casa Antonia tgħid li d-dar hija ħielsa mill-Covid-19

It-tmexxija ta’ Casa Antonia ddikjarat li d-dar għall-anzjani f’Ħal Balzan issa hija ħielsa kompletament mill-Covid-19, wara li fil-bidu ta’ Settembru sabet l-ewwel każ pożittiv.

Fi stqarrija t-tmexxija tad-dar qalet li sat-30 ta’ Settembru kellha każ pożittiv wieħed biss peress li 34 pazjent kienu rkupraw mill-virus, filwaqt li fl-14 t’Ottubru d-dar kienet iddikjarata totalment ħielsa mill-Covid-19.

Il-General Manager tad-dar, Dr Sarah Cassar, qalet li b’riżultat taż-żieda fin-numru ta’ każi ta’ Covid-19 f’Malta, f’din ir-residenza kienu ilhom isegwu proċeduri aktar rigorużi mis-7 ta’ Awwissu 2020.

Intqal li malli nstab l-ewwel każ, ir-residenti kollha ntalbu biex jiżolaw ruħhom fil-kmamar  tagħhom, filwaqt li kemm ir-residenti kif ukoll l-istaff kollha ġew swabbed u mbagħad swabbed mill-ġdid wara 4 ijiem. L-ikliet kollha kienu servuti fil-kmamar, filwaqt li l-viżitaturi u kull min kien qed jipprovdi servizzi, inklużi fiżjoterapisti, twaqqfu kompletament milli jidħlu fid-dar.

Ir-residenti kollha li ma kinux pożittivi komplew jkunu swabbed kull tlett ijiem. Residenti li kellhom sintomi jew li kellhom bżonn kura kienu iżolati fit-taqsima ta’ dipendenza għolja, filwaqt li residenti li setgħu kienu f’kuntatt ma’ kwalunkwe każ pożittiv mal-ewwel tqegħdu kwarantina.

Intqal li l-miżuri ta’ kontroll tal-infezzjoni li kien hemm fis-seħħ qabel ma nstab l-ewwel każ kif ukoll it-taħriġ lill-ħaddiema mogħti fix-xhur ta’ qabel l-imxija kienu vitali biex id-dar tkun kapaċi tikkontrolla l-imxija. Barra minn hekk, Casa Antonia bbenefikat mill-pariri u l-gwida ta’ professjonisti pprovduti lid-dar mis-settur pubbliku.