Unjoni Ewropea
It-Tnejn jisbaħ bla nomina għal President tal-Kummissjoni Ewropea

Sbieħ it-Tnejn filgħodu u fi Brussell il-mexxejja Ewropej qed ikomplu bit-taħditiet u n-negozjati dwar min se jkun President tal-Kummissjoni Ewropea madwar il-mejda tal-kolazzjoni.

Fil-verità matul il-lejl il-konsultazzjonijiet ma waqfu xejn, iżda l-konsultazzjonijiet kollha li saru, fuq bażi bilaterali u fi gruppi, s’issa ma taw l-ebda riżultat konkret u għaldaqstant għad m’hemmx qbil dwar in-nomina tal-Kunsill Ewropew għal President tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-laqgħa bejn it-28 Prim Ministru u Kap ta’ Gvern bdiet tliet sigħat tard u ntemmet għall-habta tal-10.30pm, bil-President tal-Kunsill Donald Tusk jibda minnufih maratona ta’ laqgħat bilaterali. Dawn il-laqgħat komplew sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Kien hemm mumenti lbieraħ wara nofsinhar meta t-triq dehret għan-niżla, izda imbagħad eventwalment ħareġ id-diżgwid li jeżisti bejn numru ta’ mexxejja dwar min għandu jkun President tal-Kummissjoni Ewropea.

Dan hekk il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kif ukoll Prim Ministri ewlenin li jiffurmaw parti mill-familja tal-Popolari Ewropej u l-pajjiżi tal-Visegrad (tal-lvant tal-UE) qed jopponu b’saħħa l-ftehim li kien approvat mill-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel waqt li din il-ġimgħa kienet qed tattendi għal-laqgħa tal-G20 f’Osaka fil-Ġappun.

Il-ftehim kien jinkludi li Merkel tirtira l-appoġġ tagħha għall-ispitzenkandidat tal-PPE Manfred Weber biex bħala President tal-Kummissjoni Ewropea jiġi nominat il-kandidat tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Frans Timmermans. Minflok kien qed jiġi propost li l-PPE jiġi offrut żewġ karigi fosthom dik tal-President tal-Parlament Ewropew li kien qed jingħad li jista’ jeħodha Weber.

Madanakollu dan il-ftehim li Merkel tat l-approvazzjoni għalih, ġibed l-antipatija ta’ ħafna, mhux biss rivali politiċi ta’ Merkel, iżda wkoll dawk li normalment huma alleati.

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li “huwa impossibbli għalina tal-PPE biex nivvutaw għal Soċjalista.” Il-PM Irlandiz Leo Varadkar qal li fil-PPE “hemm rezistenza ghall-ftehim li (Merkel) laħqet f’Osaka”. Kapijiet ta’ Gvernijiet Popolari oħra li opponew il-ftehim huma l-Kroat Andrej Plenkovic u l-Bulgaru Boyko Borissov.

Min-naħa tiegħu il-PM Ungeriz Viktor Orban u l-PM tal-Polonja Mateusz Morawiecki qed imexxu l-oppożizzjoni tal-pajjiżi tal-Visegrad b’wieħed jisħaq li “r-riżultat elettorali ta’ Mejju meta l-Popolari kisbu l-maġġoranza għandu jiġi rispettat”, filwaqt li l-ieħor isostni li l-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdid “m’għandux ikun diviżiv.”

Għalhekk wara li matul il-ġurnata tal-Ħadd kollox kien qed jindika li Frans Timmermans seta’ jiġi nominat bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, issa kollox reġa’ qed idur u reġgħu bdew jissemmew l-ismijiet tal-Liberali Margrethe Vestager u tal-Popolari Michel Barnier.

F’każ li matul il-lejl jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim, il-mexxejja mistennija jkomplu jiddiskutu t-Tnejn filgħodu għall-kolazzjon.
Sadanittant diġa qed tissemma l-possibilita’ li jsir summit speċjali ieħor fil-15 ta’ Lulju li ġej.

Ara wkoll:

Kollox jibqa’ inċert: l-oppożizzjoni għal Timmermans terġa’ tinħass

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Uffiċjali tal-ERA dalgħodu sabu għadd ta’ taħżiż mal-faċċata tal-binja fejn jaħdmu. Fi stqarrija uffiċjali, l-ERA qalet li tikkundanna bla riżervi l-attakk vandalu li sar fuq il-bini tal-istess Awtorità fil-Marsa. Dan…

Avjazzjoni

Għadd ta’ passiġġiera, fosthom iktar minn 60 tifel li huma players tal-football, baqgħu l-art hekk kif it-titjira tagħhom lejn id-Danimarka tħassret. L-istorja jidher li reġgħet irrepetiet ruħha hekk kif għat-tieni…

Annimali

Għawwiema li dalgħodu kienu f’Wied iż-Żurrieq baqgħu mbellħa meta raw sajjieda jniżżlu l-art ħuta kbira. Id-dgħajsa tas-sajd daħlet mal-moll, u erba’ rġiel niżlu minnha jġorru ħuta kbira, li dehret tixbah…

Qorti

Charlotte Zammit, omm Liam Debono, intbagħtet sentejn ħabs wara li nstabet ħatja li serqet diversi pompi tal-petrol. Fil-Qorti llum kompla jinstema’ l-każ tas-sinjura Debono fejn instabet ħatja li serqet flus…

Aktar