Xjenza
It-Tnejn tista’ tara fenomenu rari wara nżul ix-xemx

Matul l-aħħar jiem, l-ikbar żewġ pjaneti tas-Sistema Solari – Jupiter u Saturn – kienu qed jidhru fis-sema joqorbu iktar lejn xulxin, biex nhar it-Tnejn 21 ta’ Diċembru se jkunu jidhru l-eqreb lejn xulxin wara ħafna snin.

Dan il-fenomenu jissejjaħ konġunzjoni (conjunction), u wieħed jista’ jarah anke mingħajr tromba jew teleskopju. Kull m’għandu jagħmel hu li jħares lejn il-Lbiċ wara nżul ix-xemx.

Dr Joseph Caruana, astonomu fl-Università ta’ Malta, spjega ma’ TVM kif  Jupiter iddum kważi tnax-il sena biex tagħmel orbita madwar ix-xemx, filwaqt li Saturn iddum madwar 29 sena u nofs, u allura l-konġunzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pjaneti jseħħu kull madwar għoxrin sena.

L-aħħar li l-pjaneti dehru eqreb kien 800 sena ilu 

Madanakollu mhux kull waħda hija l-istess u mhux dejjem ikun possibbli li tarahom. Pereżempju, fenomenu ta’ din ix-xorta, fejn Jupiter u Saturn ġew qrib ħafna ta’ xulxin, seħħ ukoll fis-sena 2000 u fl-1623, iżda f’dawn iż-żewġ okkażjonijiet kienu qrib wisq tax-xemx, u allura kien diffiċli li wieħed josservahom.

F’Awissu tal-1563 kienu wkoll ġew qrib ħafna ta’ xulxin, għalkemm kemmxejn inqas minn din is-sena. B’hekk, l-aħħar darba li dehru iktar qrib ta’ xulxin minn nhar it-Tnejn li ġej kien kważi 800 sena ilu, fl-1226. Id-darba li jmiss li jerġgħu jidhru daqshekk qrib tkun fil-15 ta’ Marzu tal-2080.

Dr Caruana spjega li, fil-verità, Jupiter u Saturn huma mbiegħda ħafna minn xulxin, u huwa biss minħabba l-perspettiva tagħna li se jkunu jidhru daqstant qrib.

L-avveniment marbut mal-kewkba tal-Milied?

Hemm ukoll storja li torbot dan it-tip ta’ avveniment mal-kewkba tal-Milied, u li qed tiġi mxerrda anki bħalissa fuq il-midja soċjali.

Dr Caruana fisser kif fl-1604 dehret stilla ġdida fis-sema li llum hu magħruf li kienet supernova – splużjoni tat-tip li sseħħ f’sistemi partikolari ta’ żewġt ikwiekeb. Peress li meta jiġri dan id-dija tiżdied ħafna, fis-sema jidher bħal qisu tfaċċat kewkba ġdida.

Meta l-astronomu Ġermaniż Johannes Kepler osserva dan il-fenomenu, innota li sena qabel kien osserva lil Jupiter u Saturn qrib ta’ xulxin. Huwa xebbah dawn iċ-ċirkostanzi ma’ dak li hu kkalkula kien ġara ftit snin qabel Kristu, meta Jupiter u Saturn ukoll setgħu jiġu osservati qrib ta’ xulxin. B’hekk, bħalma fl-1604 kienet dehret kewkba ġdida ftit wara konġunzjoni ta’ dawn iż-żewġ pjaneti, Kepler staqsa jekk dan setax japplika wkoll għall-każ tal-kewkba tal-Milied.

Dr Caruana qal li llum il-ġurnata ġie stabbilit li ż-żewġ fenomeni m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin.

U jekk it-Tnejn it-temp ma jippermettix?

Dr Caruana qal li kemm-il darba it-temp nhar it-Tnejn ma jippermettix, xorta waħda wieħed jista’ jibqa’ jsegwi lil dawn iż-żewġ pjaneti fil-jiem ta’ wara.

Għalkemm imbagħad jerġgħu jidhru qed jitbiegħdu minn xulxin, xorta jibqgħu jkunu qrib mhux ħażin fis-sema.