Ambjent
It-tniġġis mit-traffiku f’Malta naqas bin-nofs meta bdiet il-kwarantina

Il-miżuri li qed jiġu implimentati bil-għan li titrażżan l-imxija tal-Covid-19 madwar id-dinja qed jagħtu n-nifs lill-ambjent. Bil-karozzi baqgħu wara l-bieb jew fil-garaxx, f’ħafna pajjiżi, inkluż f’Malta, naqas sew il-livell tat-tniġġis fl-arja li joħloq it-traffiku. L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qed tikkalkula li fl-aħħar ġimagħtejn l-livell tat- tniġġis fl-arja naqas bi kważi n-nofs.

Il-kwalità tal-arja f’Malta tjiebet mindu naqas it-traffiku bl-għeluq tal-iskejjel, tal-ħwienet u bil-fatt li ħafna ħaddiema qed jaħdmu mid-dar.

L-Uffiċjal tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, Nadine Mercieca, spjegat li naqas bi kważi n-nofs il-livell ta’ dijossidu tan-nitroġenu fl-arja, li hija s-sustanza ewlenija ta’ tniġġis mit-traffiku.

L-Awtoritià qabblet il-livell tal-emmissjonijiet mill-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ, li għandha fl-Imsida u f’Misraħ Kola f’Ħ’Attard, tlett ijiem qabel u tlett ijiem wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri kontra l-Covid-19.

“Li rajna huwa jekk tieħu l-medja fuq tlett ijiem kif għedna qabel – qabel u wara l-miżuri – rajna tnaqqis ta’ 40% fl-istazzjon tal-Imsida u tnaqqis ta’ 50% fl-istazzjon ta’ Ħ’Attard.”

F’dan l-eżerċizzju, l-Awtorià tal-Ambjent u r-Riżorsi qabblet il-kwalità tal-arja bejn l-20 u t-22 ta’ Jannar mal-perjodu bejn is-16 u t-18 ta’ Marzu – meta l-kundizzjonijiet metereoloġiċi, inkluż is-saħħa u d-direzzjoni tar-riħ, kienu l-istess. “Din hija importanti ħafna għax it-tniġġis tal-arja jvarja ħafna mill-kundizzjonijiet meteoroliġiċi.”

Hija żiedet tgħid li t-tnaqqis fl-emmissjonijiet kien akbar fl-aktar ħinijiet traffikużi – jiġifieri filgħodu u waranofsinhar. “Hemmhekk il-pofili ta’ post covid-19 measures juru li l-ammont ta’ tnaqqis huwa aktar drastiku għax nafu li l-agħar ħinijet ta’ traffiku huma f’dawn il-peaks.”

L-Uffiċjal tal-ERA qalet li madankollu, biex wieħed joħroġ stampa ċara tat-titjib fil-kwalità tal-arja, jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ fuq tul ta’ ħin itwal, għax l-impatt tal-kwalità tal-arja fuq is-saħħa jiġi mkejjel fuq medda ta’ żmien.

L-għaqdiet Flimkien għal Ambjent Aħjar u Bicycle Advocacy Group fin-nuqqas ta’ vetturi fit-toroq qed iħeġġu għal użu akbar tar-roti.

Fi stqarrija qalu li l-Gvern għandu juża l-kriżi tal-Covid-19 biex jiffaċċilità l-użu tar-rota, bil-għan li anqas nies jinġabru fuq l-istage għal tal-linja. Huma ħeġġew ukoll biex il-ħaddiema jingħataw vouchers lill-impjegati biex jikru rota jew pedelec biex imorru għax-xogħol.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jrid politika tal-perswazjoni u mhux tal-arroganza u qal li l-partit għandu jgħaraf li fejn żbalja waqt li għandu l-obbligu li jibni fuq it-tajjeb…

Kronaka

Raġel ta’ 52 sena mis-Siġġiewi jinsab midrub gravi wara li waqa’ minn fuq scaffolding ta’ madwar żewġ sulari. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni, f’Misraħ Forok, ir-Rabat. Il-Pulizija…

Immigrazzjoni

L-ekwipaġġ tal-bastiment Europa II jinsab għall-kenn wara t-tanker CURACAO ‘l barra mill-ponta tal-Jerma f’Wied il-Għajn wara li l-ekwipaġġ Malti kellu jabbanduna l-pożizzjoni tiegħu mat-13-il mil ‘il barra minn Malta, minħabba…

Aktar