Lokali
It-torri u l-arloġġ tal-Imtarfa separati minn xulxin wara 125 sena

Għall-ewwel darba f’125 sena, inqala’ minn postu l-arloġġ li jinsab mat-torri tal-Imtarfa. It-tnejn huma tant biċċa waħda, li l-binja hija magħrufa bħala t-Torri tal-Arloġġ.

Fuq il-midja soċjali s-Sindki tal-Imtarfa Daniel Attard qal li dan seħħ biex ikun jista’ jsir xogħol ta’ restawr, li bħalissa miexi ġmielu. Qal li apparti x-xogħol kbir li għaddej fuq ġewwa u għalhekk ma jidhirx, issa tneħħew il-faċċati tal-arloġġ biex isir restawr estensiv fuqhom.

Żied li b’hekk, wara madwar 125 sena, ‘it-Torri’ u ‘l-Arloġġ’ ‘isseparaw’ għal ftit minn xulxin qabel ma jerġgħu lura għall-glorja oriġinali tagħhom.