It-tradizzjonijiet Maltin marbuta ma’ Ħamis ix-Xirka

Ħamis ix-Xirka, ġurnata magħrufa wkoll bħala t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej b’tifkira tal-Aħħar Ikla ta’ Ġesù mal-Appostli. Jum miżgħud bit-tradizzjonijiet kemm dawk taħt forma ta’ attivitajiet, kif ukoll dawk marbuta mal-ikel tipiku ta’ dawn iż-żminijiet.

Ħafna jsibu l-ħin għal dik il-waqfa ta’ malajr biex jinxtraw xi ftit karamelli u l-qagħaq tal-Appostli u xi ngħidu għar-riħa ta’ ikel tal-borma tradizzjonali miżgħuda bi ħwawar tipiċi marbuta ma’ dan il-perjodu tas-sena.

F’dan il-jum ma nistgħux ma nsemmux it-tradizzjoni ewlenija fil-kultura Maltija marbuta ma’ Ħamis ix-Xirka fejn eluf ta’ Maltin kienu jsibu l-ħin biex jagħmlu s-seba’ visti quddiem Ġesù Sagrament li jkomplu fl-għodwa tal-Ġimgħa l-Kbira sa nofsinhar. F’sitwazzjoni differenti lil’hinn mill-pandemija għexieren ta’ nies kienu jżuru wkoll diversi wirjiet artistiċi maħluqa minn individwi dilettanti jew għaqdiet volontarji.

Fil-knejjes, waqt il-quddies ta’ filgħaxija jsir il-ħasil tar-riġlejn, b’simboliżmu ma’ dak li seħħ fl-aħħar ċena meta Ġesù ħasel riġlejn l-Appostli tiegħu qabel beda t-triq tal-kalvarju din l-użanza hija prattikata mill-konċelebrant bħala simbolu ta’ umiltà. Issir ukoll it-tifkira tal-Aħħar Ċena. U xi ngħidu għas-sbuħija tas-sepulkri, tradizzjoni ta’ l-fuq minn mija u ħamsin sena fejn naraw l-artal tar-ripożizzjoni mżewwaq b’ħafna fjuri bojod mill-isbaħ. Jgħidu li dak tal-Katidral tal-Imdina huwa l-eqdem wieħed. Minn naħa l-oħra wieħed mill-iktar postijiet frekwentati bħal-lejla huwa s-Siġġiewi. Lokal magħruf għas-Salib tal-Għolja li s-soltu jinxtegħel b’eluf ta’ fjakkoli l-ġmiel tagħhom li joħolqu atmosfera unika b’sens ta’ ġabra.

Attivitajiet li għal sena oħra rridu ngawdu biss mir-ritratti u l-filmati tas-snin passati. Inħarsu l-quddiem għall-mument fejn ilkoll flimkien inkunu nistgħu nerġgħu ngawdu dawn it-tradizzjonijiet minquxa fil-kultura tagħna.