Barranin
It-traġedja tal-cable car fl-Italja: Eitan fetaħ għajnejh u tneħħewlu l-pajpijiet

Fetaħ għajnejh ċ-ċkejken Eitan ta’ 5 snin, l-uniku fost grupp ta’ 15-il ruħ li baqa’ ħaj fit-traġedja li seħħet il-Ħadd li għadda f’Mottarone l-Italja.

It-tobba qalu li t-tifel qiegħed jiġi f’tiegħu bil-mod bid-direttur ġenerali tal-isptar Città della Salute ta’ Turin Giovanni La Valle jgħid li t-tifel ġie f’sensih għal ftit minuti.

It-tobba żiedu jgħid li din hija fażi delikata ħafna. Qalu li Eitan li tilef lil ommu, lil missieru, u lil ħuh, għadda lejl kwiet u ġie kkonfermat li l-qagħda ta’ saħħtu hija waħda stabbli. Dan minkejja l-kundizzjoni kritika li jinsab fiha.

It-tobba fissru bħala pożittiv il-fatt li t-tifel m’għandux bil-pajpijiet u li s-sigħat li ġejjin se jkunu kruċjali biex Eitan iqum kompletament.

It-tabib tat-tifel, Giorgio Ivani kkonferma li t-tifel ma ġarrabx danni newroloġiċi f’moħħu.

Intant fl-aħħar sigħat il-katavri ta’ ħames Iżraeljani mill-erbatax-il vittma fit-traġedja tal-Ħadd ittieħdu l-ajruport ta’ Malpensa f’Milan biex ikunu jistgħu jitwasslu f’art twelidhom għall-aħħar tislima.

Fosthom kien hemm il-katavri tal-bużnanniet ta’ Eitan li kienu l-Italja biex jgħaddu btala qasira ma’ qrabathom.

Dwar il-każ il-Pulizija Taljana arrestat tliet irġiel fosthom lil Luigi Nerini ta’ 56 sena, il-prorpjetarju ta’ Ferrovie del Mottarone, id-direttur Enrico Perocchio u l-kap tas-servizz Gabriele Tadini.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija Taljana, kollox juri li d-diżgrazzja tal-Ħadd setgħet ġiet evitata.