Edukazzjoni
It-trawma tad-divorzju tista’ twassal biex tfal jabbandunaw l-istudju qabel il-waqt – studju

Id-divorzju huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li qed iwassal biex studenti jabbandunaw l-iskola qabel il-waqt.  Dan ħareġ minn studju kwalitattiv li sar mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Għijxien b’Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.

L-istudju wera kif l-esperjenza tal-istudenti fid-dar ħalliet impatt fuq id-deċiżjoni li jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki.  Fi stqarrija, iċ-Chairman tal-Osservatorju l-Professur Carmel Borg qal li d-divorzju jista’ jikkawża trawma profonda u emozzjonali u tista’ tħalli impatt kbir fuq it-tfal, partikolarment fost dawk b’livell baxx soċjo-ekonomiku.

Il-Professur Milosh Raykov, li mexxa l-istudju, wettaq numru ta’ intervisti dettaljati u analizza studji oħrajn li saru, bir-riżultat tar-riċerka li wettaq mistennija titħabbar fil-15 ta’ Marzu li ġej.  L-istudju jindirizza l-problema tal-istudenti li telqu mill-iskola qabel għalqu 16-il sena u li m’għandhomx kwalifiki biżżejjed jew komplew jitgħallmu iktar wara l-età obbligatorja.

L-istudju sar wara l-istatistika uffiċċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) wriet li r-rata ta’ studenti li qed jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien niżlet għal 17.7% fl-2017 minn 20.3% fl-2014.  Minkejja t-tnaqqis, Malta għadha lil hinn milli tilħaq il-mira ta’ 10% is-sena d-dieħla.

Il-Prof Borg qal li r-rabta li hemm bejn l-istat soċjo-ekonomiku tal-ġenituri mal-edukazzjoni tat-tfal hija waħda mill-iktar miżuri importanti li teħtieġ tittieħed b’iktar serjetà biex tonqos id-diverġenza bejn it-tfal u l-ġenituri.

Id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni Dr Ruth Farrugia qalet li d-deċiżjoni li jieħdu t-tfal biex jieqfu mill-iskola ma ssirx mil-lejl għan-nhar, iżda hija riżultat ta’ diversi fatturi kumplessi soċjali li jkunu qed jiffaċċjaw u li jeħtieġ jiġu ndirizzati fi stadju bikri u b’għajnuna ħolistika.